Kummissarju tal-Pulizija

ANGELO GAFÀ

Kummissarju tal-Pulizija

Is-Sur Gafà ingħaqad mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta bħala Spettur tal-Pulizija fl-2004. Huwa ġie assenjat għal xogħol ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija, fejn serva sa Ġunju 2013. Bejn Ġunju 2013 u Diċembru 2016, serva fi ħdan is-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta, inkluż fil-kariga ta’ Assistent Kap tal-organizzazzjoni.

Wara sejħa pubblika, is-Sur Gafà nħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta f’Diċembru 2016. Fl-2018, huwa ġie promoss għall-grad ta’ Supretendent tal-Pulizija. Wara sejħa pubblika oħra, fl-2020 nħatar Kummissarju tal-Pulizija, kariga li għadu jokkupa sal-lum.

Qabel ingħaqad mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, is-Sur Gafà serva bħala Logutenent fil-Forzi Armati ta’ Malta. Huwa kiseb l-ewwel post fid-dħul kemm fil-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Is-Sur Gafà għandu Baċellerat tal-Ewwel Klassi fil-Kummerċ (Unuri) fl-Immaneġjar tas-Settur Privat u Pubbliku mill-Università ta’ Malta (2001). Huwa għandu wkoll Master of Arts fit-Tmexxija tal-Politika Pubblika (Distinzjoni) mill-Università ta’ Malta (2008), kif ukoll Master of Science fis-Sigurtà u l-Immaniġjar tar-Riskju (Meritu) mill-Università ta’ Leicester (2014). Huwa lettur mistieden fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija, Fakultà għall-Benesseri Soċjali, fl-Università ta’ Malta.