Il-Mużew tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Mużew tal-Pulizija ta’ Malta jippreserva u juri l-istorja, il-wirt u l-memorja istituzzjonali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, filwaqt li jenfasizza l-evoluzzjoni tal-pulizija f’Malta matul is-snin.


L-idea li jitwaqqaf mużew iddedikat għall-istorja tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta tmur lura għall-bidu tas-snin tmenin. L-ewwel mużew ġie inawgurat uffiċjalment fil-11 ta’ Lulju 1994 fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u aktar tard għadda minn proġett ta’ rinovar fl-2012.


Fl-2023, il-mużew ġie rilokat f’post aktar prominenti fi ħdan il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana. Din il-bidla pprovdiet opportunità sabiex jiġi mfassal mill-ġdid l-irwol tal-mużew u jitjieb il-mod kif jiġu ppreżentati l-istorja tal-Korp, l-artifatti, id-dokumenti u l-istejjer personali marbuta mal-pulizija.

B’rikonoxximent tal-importanza li dan il-wirt jiġi ppreservat u interpretat skont l-ogħla standards professjonali, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta daħal fi ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta fl-2024. Permezz ta’ din is-sħubija, ġiet introdotta kompetenza professjonali sabiex tappoġġja r-rinovar tal-mużew, il-kurazzjoni tal-esebiti, l-interpretazzjoni storika u l-esperjenza tal-viżitaturi.


Il-proġett, li qed jiġi implimentat f’erba’ fażijiet, għandu l-għan li jimmodernizza l-mużew filwaqt li jagħmlu aktar aċċessibbli u interessanti għall-viżitaturi. Dan jirrifletti l-impenn tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta biex jippreserva l-wirt tiegħu u jiżgura li l-istorja tiegħu tibqa’ viżibbli u relevanti għall-uffiċjali fis-servizz, membri rtirati tal-Korp, riċerkaturi, studenti u l-pubbliku inġenerali.


L-ewwel fażi tal-proġett, bl-isem “L-Istorja tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta”, tlestiet f’Mejju 2026. Din it-taqsima tippreżenta vjaġġ kronoloġiku matul l-iżvilupp tal-pulizija f’Malta, u turi kif il-Korp evolva mir-responsabbiltajiet bikrija tiegħu relatati mal-ordni pubbliku għal organizzazzjoni moderna li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet operattivi, investigattivi, ta’ intelliġenza u ta’ appoġġ speċjalizzat.


Il-kollezzjoni tal-mużew tirrifletti r-responsabbiltajiet diversi li wettaq il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta matul l-istorja tiegħu. Il-viżitaturi jistgħu jesploraw varjetà ta’ artifatti, fosthom uniformijiet storiċi, tagħmir, sistemi ta’ komunikazzjoni, vetturi, medalji, dokumenti, ritratti u oġġetti marbuta ma’ taqsimiet speċjalizzati u ma’ eks Kummissarji tal-Pulizija. Flimkien, dawn l-esebiti jipprovdu għarfien siewi dwar il-persuni, l-avvenimenti u l-mumenti importanti li sawru l-istorja tal-pulizija f’Malta.


Aktar minn sempliċi repożitorju ta’ oġġetti storiċi, il-Mużew tal-Pulizija ta’ Malta jservi bħala riżorsa kulturali u edukattiva importanti. Huwa jħares il-memorji u l-kisbiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija, filwaqt li jgħin lill-viżitaturi jifhmu aħjar ir-rwol tal-pulizija fl-iżvilupp soċjali, legali u amministrattiv ta’ Malta.