(PR 648/25)
Investigazzjonijiet intensivi b’rabta ma’ serqa li seħħet ftit tal-jiem ilu fuq mara, wasslu biex fl-aħħar sigħat il-Pulizija identifikat u arrestat żewġ suspettati rġiel ta’ 37 sena u 35 sena rispettivament, it-tnejn li huma minn Ħal Qormi.
Kien nhar il-11 ta’ Diċembru li għadda, meta għal xi t-tmienja ta’ filgħodu (0800hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li hemm mara mal-art b’xi ġrieħi f’parkeġġ fil-viċinanzi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, f’Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma, mara ta’ 43 sena, kienet mixja f’dawk l-akwati, u raġel liebes maskra, attakkaha minn wara u ħadilha l-baskett li fih kien hemm mobile u ammont ta’ flus kontanti. Wara, ir-raġel daħal f’karozza li kienet qed tistennieh, fejn fiha kien hemm persuna oħra u ħarbu minn fuq il-post.
Il-mara ttieħdet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid għal kura, fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.
Wara investigazzjonijiet intensivi u analiżi ta’ numru ta’ filmati tas-sigurtà, il-Pulizija identifikat liż-żewġ suspettati li mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum.