(PR 530/24)
Il-Pulizija arrestat tlitt irġiel wara li matul il-lejl illi għadda allegatament sparaw xi tiri fid-direzzjoni ta’ xulxin.
Kienu għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija (2230hrs), xħin intalbet l-assistenza fi Triq Santa Klara, in-Naxxar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn hemmhekk innutaw xatba ta’ residenza mkissra u xi persuni fuq in-naħa ta’ ġewwa.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 41 sena residenti Ħal Qormi, allegatament, saq u kisser ix-xatba b’vettura, niżel minnha u allegatament spara xi tiri lejn ir-residenza. Wara huwa ħarab minn fuq il-post bil-vettura. Dak il-ħin fir-residenza kien hemm żewġt irġiel u tliet nisa, li ħadd minnhom ma weġġa’.
Immedjatament bdiet tfittxija għall-vettura, Mercedes, u għall-persuna involuta. Għal xi s-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu (0230hrs), ir-raġel li kien imfittex ta’ lilu nnifsu lill-Pulizija wara li mar fl-Għassa ta’ Ħal Qormi u ġie arrestat. Fl-għassa huwa allega li kienu ġew sparati xi tiri fid-direzzjoni tiegħu miż-żewġt irġiel li kienu fir-residenza msemmija, iżda huwa ma weġġax.
Minn iżjed investigazzjonijiet, aktar tard mal-lejl, instabet il-vettura tar-raġel ta’ 41 sena pparkjata fi Triq il-Kosta fejn kellha diversi ħsarat, kif ukoll marki kompattibbli ma’ tiri b’arma tan-nar. Saret tfittxija fil-vettura iżda ma nstabet l-ebda arma tan-nar.
Għaldaqstant, il-Pulizija marret lura fir-residenza fin-Naxxar u wara tfittxija ġie elevat senter u ġew arrestati ż-żewġt irġiel, li għandhom 64 u 35 sena.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.