Taħseb li s-sitwazzjoni tista' teskala jew tiġi vjolenti malajr? Hemm xi ħadd f'periklu imminenti? Għandek bżonn l-assistenza issa? Jekk iva, ċempel 112 issa. Jekk għandek nuqqas ta’ smigħ jew taħdit, uża s-servizz tat-telefon ċellulari tagħna 79770112.
In-numru tal-emerġenza 112 huwa servizz vitali mfassal biex jipprovdi assistenza immedjata lil dawk fi bżonn urġenti madwar l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra. Is-servizz joffri kuntatt bejn min qed iċempel u l-s-servizzi tal-emerġenza, bħall-pulizija, għajnuna medika, u s-servizzi tat-tifi tan-nar. It–telefonati lejn in-numru 112 huma bla ħlas u jistgħu jsiru minn kwalunkwe telefown, anke mingħajr SIM card, dan sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għall-għajnuna f’sitwazzjonijiet kritiċi.
Is-sistema hija mfassla biex tkun aċċessibbli 24/7, u tipprovdi punt ta’ kuntatt konsistenti u affidabbli f’każi ta’ emerġenza.
(Aġġornat l-aħħar fit-23 ta’ April 2024)
Kuljum, nirċievu madwar 850 telefonata fuq il-linja tal-emerġenza, sfortunatament 79% minnhom mhumiex relatati ma’ emerġenzi urġenti. Biex niżguraw li dawk li huma ġenwinament fil-bżonn ikunu jistgħu jsibu l-linja aċċessibbli, inħeġġuk biex tuża l-112 biss għal emerġenzi reali. L-użu ħażin ta’ dan is-servizz vitali jista’ jittardja l-assistenza kruċjali lil oħrajn li qed jiffaċċjaw kriżijiet ġenwini.
Jekk għandek nuqqas ta’ smigħ jew taħdit, uża s-servizz tat-telefon ċellulari tagħna 79770112.
Jekk is-sitwazzjoni tiegħek teħtieġ l-attenzjoni tal-pulizija iżda mhijiex emerġenza, ikkuntattjana fuq 21224001.
Emerġenza reali hija kwalunkwe sitwazzjoni li tippreżenta theddida immedjata għall-ħajja jew għall-propjetà. Eżempji ta’ emerġenzi reali jinkludu inċidenti vjolenti bħal attakki jew serq, inċidenti serji bħal inċidenti tat-traffiku li jirriżultaw fi ġrieħi jew fatalitajiet, u każijiet urġenti bħal theddida ta’ bomba jew nirien. Min-naħa l-oħra, sitwazzjonijiet mhux ta’ emerġenza jistgħu jinkludu inċidenti minuri tat-traffiku mingħajr korrimenti, oġġetti mitlufa, jew ilmenti dwar storbju, li tipikament ma jeħtiġux intervent immedjat mis-servizzi ta’ emerġenza.
Jekk issib ruħek f’sitwazzjoni li tesponik għall-periklu dirett u li teħtieġ pulizija, pumpiera, jew rispons mediku urġenti, jekk jogħġbok ċempel 112 minnufih. Meta ċċempel fuq in-numru 112, it-tim tagħna se jevalwa malajr in-natura tal-emerġenza tiegħek. Jekk is-sitwazzjoni tiegħek tiġi kkonfermata bħala emerġenza li teħtieġ azzjoni immedjata, tirċievi assistenza fil-pront mis-servizzi relatati.
Meta jkollok emerġenza u ċċempel 112 stenna li:
It-telefonati 112 kollha huma suġġetti għal assessjar qabel ma jiġi deċiż il-livell ta’ rispons. Huma biss telefonati li huma ġenwinament urġenti li se jiġu mwieġba fuq bażi ta’ emerġenza.
Nassigurawk li tinżamm il-kunfidenzjalità meta nwieġbu t-telefonata ta’ emerġenza tiegħek.
Il-Police Emergency Services Quality Service Charter tiddeskrivi l-impenn tagħna li nżommu standards għoljin meta nassistuk waqt emerġenzi. Dan id-dokument iservi bħala l-wegħda tagħna li nagħtu servizz eżemplari u li kontinwament intejbu l-operat tagħna.
Aħna kommessi li nżommu dawn l-istandards u qegħdin kontinwament nagħmlu ħilitna biex intejbu s-servizz tagħna. Napprezzaw il-feedback tagħkom u nħeġġukom taqsmu suġġerimenti li jistgħu jgħinuna naqdu aħjar lill-komunità.
Jekk tħoss li ma lħaqniex l-istandards li stabbilixxejna jew jekk b ’xi mod ieħor mintix sodisfatt bis-servizz tagħna, tista’ tressaq ilment quddiem il-Professional Standards Office tagħna kif ġej:
Jekk xorta mintix sodisfatt, tista’ tirreferi wkoll il-każ tiegħek lill-Uffiċċju tal-Ombudsman jew lill-Bord indipendenti għall-ilmenti tal-Pulizija.