(PR 465/25 & PR469/25)
Aġġornament: Matul l-aħħar sigħat, intensifikaw l-investigazzjonijiet b’rabta mas-serqa li seħħet ilbieraħ filgħaxija minn ħanut tal-merċa fix-Xagħra, Għawdex.
Dawn waslu biex il-Pulizija arrestat il-persuna l-oħra li allegatament kienet involuta fis-serqa. Ir-raġel, li huwa Malti ta’ 49 sena u jgħix Bormla, ġie arrestat illum waranosinhar minn appartament fix-Xagħra. Il-vettura li ntużat fl-istess reat u li kienet irrapportata misruqa, instabet ukoll abbandunata fix-Xagħra stess.
Ir-raġel li ġie arrestat ilbieraħ huwa Taljan ta’ 47 sena u jgħix San Pawl il-Baħar.
Kienu għall-ħabta tat-tmienja (2000hrs), xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi Vjal it-8 ta’ Settembru, ix-Xagħra, hekk kif persuna, allegatament armata b’arma tan-nar, daħlet f’ħanut tal-merċa.
Fuq il-post immedjatament marru l-pulizija fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-allegat ħalliel mar fuq il-post b’karozza, daħal fil-ħanut, ipponta l-arma fid-direzzjoni tal-kaxxiera, ħataf il-kexxun tal-flus u wara ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti bl-istess vettura, li fiha x’aktarx kien hemm kompliċi. Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li din il-karozza kienet insterqet ftit tal-ħin qabel mix-Xewkija.
Waqt li bdiet tfittxija għall-allegat ħallelin, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li wieħed minnhom x’aktar qiegħed fil-Port tal-Imġarr. Minnufih fuq il-post marru l-Pulizija fejn arrestat lir-raġel, li kien se jipprova jaħrab lejn Malta.
Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, bil-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet u tfittxija għal persuna l-oħra li allegatament kienet involuta fis-serqa. Il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D D ġiet infurmat bil-każ u ħatret inkjesta.