(PR 357/26)

Raġel iweġġa waqt inċident fuq il-baħar
Ilbieraħ, għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar (1515hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fix-Xatt tal-Imġarr, Għawdex
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li ftit ħin qabel, raġel ta’ 35 sena residenti l-Mellieħa, sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed fuq id-dgħajsa tiegħu u nqelbet. Persuni li kienu fil-viċin tawh l-ewwel għajnuna u tellgħu lir-raġel mill-baħar.
Huwa ddaħħal mal-moll fl-Imġarr minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u wara li ttieħed lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza, ġie trasferit lejn l-Isptar Mater, fejn kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.
ll-Maġistrat Dr Monica Vella LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.