(PR 373/26)

Raġel arrestat u mressaq il-Qorti b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga

Raġel ta’ 44 sena mill-Bożnija-Ħerżegovina ġie arrestat b’rabta ma’ importazzjoni ta’ madwar 35 kilo sustanza suspettata kokaina, b’valur fis-suq ta’ madwar €4.5 miljun.

Huwa twaqqaf waqt kontrolli mill-Uffiċjali tad-Dwana hekk kif kien nieżel mill-katamaran ftit wara li wasal minn Sqallija. Minħabba li r-raġel kien qiegħed jaġixxi b’mod suspettuż, intalbet l-assistenza tal-Pulizija fejn wara li ġie arrestat, kien skortat bil-karozza lejn il-garaxx tal-Pulizija fil-Furjana.

Minn tfittxijiet li saru, f’kompartament fin-nofs tal-karozza instabu ammont sostanzjali ta’ pakketti bid-droga kokaina, li kienu jammontaw għal 35 kilo.

Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D li ħatar inkjesta.

Illum, il-Pulizija ressqet lir-raġel b’arrest fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Dr Jean Paul Grech LL.D. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi li nġiebu kontrih u nżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.