(PR 371/26)

Raġel arrestat f'investigazzjoni kontra t-traffikar tad-droga

Investigazzjonijiet u sorveljanza bla waqfien mill-Pulizija b’konnessjoni ma’ ċirku kriminali li jinvolvi traffikar tad-droga wasslu għall-arrest ta’ Taljan ta’ 25 sena.

Waqt din is-sorveljanza li saret ilbieraħ filgħaxija, l-uffiċjali raw lis-suspettat jagħmel kuntatt ma’ individwu ieħor fiż-żona tax-Xatt tal-Imsida. Ftit wara, is-suspettat ġie interċettat waqt li kien qed isuq vettura Skoda u sussegwentement ġie arrestat.

Tfittxija li saret wasslet għas-sejba ta’ pakkett li kien fih sustanza roża suspettata li hija kokaina roża. Aktar tfittxijiet li saru fir-residenza tas-suspettat fis-Swieqi rriżultaw fis-sejba ta’ kwantitajiet addizzjonali tal-istess sustanza, ammont ta’ ħaxixa tal-kannabis, u diversi oġġetti allegatament assoċjati ma’ traffikar tad-droga.

Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard llum, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.