Raġel arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ 35kg kokaina
– Destinata għas-suq lokali u b’valur ta’ €2 miljuni

(PR 217/25)

Hekk kif il-Pulizija Maltija tibqa’ impenjata li tikkumbatti l-kriminalità organizzata f’pajjiżna, fl-aħħar sigħat wettqet operazzjoni b’suċċess fil-Port Ħieles ta’ Malta li wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 37 sena residenti x-Xgħajra.

Waqt sorveljanza li l-Pulizija Maltija kienet qiegħda tagħmel fil-Port Ħieles b’assistenza mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istess Port, ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu (0545hrs), twaqqfet vettura li kienet ħierġa mill-Port Ħieles, bħala parti minn investigazzjonijiet b’rabta ma’ importazzjoni tad-droga f’pajjiżna.

Wara spezzjoni li saret fil-vettura tar-raġel, instabu 7 kilogrammi droga suspettata kokaina. Aktar tfittxijiet li saru fl-istess Port wasslu għas-sejba ta’ 28 kilogrammi oħra ta’ droga, ukoll maħsuba kokaina b’valur totali fit-triq ta’ madwar €2 miljuni.

Din id-droga allegatament inħarġet mill-kontejner li waslet fih mir-raġel arrestat, li jaħdem il-port stess, u ġiet moħbija minnu sabiex tinħareġ ftit ftit.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti illum quddiem il-Maġistrat Dr. Astrid May Grima LL. .D.