(PR 521/24)
Erbat irġiel u mara Maltin qegħdin jinżammu taħt arrest wara li lbieraħ għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija (2030hrs) aggredew żewġ pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijithom fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.
Il-Pulizija sfaw aggrediti wara li ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalment. Kien f’dan il-punt li ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment u li bdew jargumentaw mal-pulizija, li taw ordnijiet għaż-żamma tal-ordni pubblika u għall-koperazzjoni tal-persuni kkonċernati. Iżda huma injoraw dawn l-ordnijiet u kkawżaw ġrieħi lill-uffiċjali. Il-Pulizija kienu kostretti jużaw il-pepper spray u t-taser.
Fuq il-post, waslu aktar pulizija u s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata. Il-persuni arrestati fuq il-post huma mara ta’ 42 sena u żewġt irġiel ta’ 46 u 44 sena. Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li kien hemm żewġ persuni oħra li telqu minn fuq il-post, żewġt irġiel ta’ 23 u 33 sena, li kienu involuti f’dan il-każ u li ġew identifikati minnufih u arrestati mir-residenzi rispettivi tagħhom.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ pulizija l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u ieħor bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Dr Abigail Critien LL.D ġiet infurmata b’dan il-każ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.