(PR 258/25)
Ilbieraħ, ħames persuni ġew arrestati b’rabta ma’ importazzjoni, traffikar u pussess ta’ droga wara żewġ operazzjonijiet separati tal-Pulizija.
L-ewwel operazzjoni saret għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu (0130hrs), fi Triq Antonio Sciortino, l-Imsida. Wara jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet, il-Pulizija nnutaw raġel dieħel f’appartament fil-qrib waqt li kien qed iġorr pouch u ħiereġ ftit minuti wara. Minħabba suspett li qajjem, il-pulizija iċċirkondaw il-vettura u żammew lir-raġel, Taljan ta’ 29 sena.
Flimkien miegħu, il-pulizija daħlu f’appartament li fih sabu raġel u mara, it-tnejn minn Spanja u t-tnejn għandhom 29 sena. Saret tfittxija fuq il-persuni kollha u fl-appartament, instab ammont ta’ sustanzi suspettati kokaina, ketamina, kannabis, u pilloli, b’valur fis-suq ta’ €6,000.
It-tieni operazzjoni kienet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bl-assistenza tal-uffiċjali tad-Dwana. Waqt kontrolli ta’ rutina, osservaw żewġt irġiel Ingliżi ta’ 29 sena jġibu ruħhom b’mod suspettuż u jgħaddu oġġetti ftit qabel jgħaddu minn screening tal-X-Ray. Għaldaqstant, saret tfittxija u instabu fil-pussess ta’ pilloli u diversi pakketti b’sustanza suspettata kokaina u ketamina.
Tlett irġiel minnhom u l-mara qegħdin jinżammu arrestati l-lock-up tal-Pulizija l-Furjana, u ser jitressqu l-Qorti llum.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.