PR 580 26
Tissokta bla waqfien il-ġlieda tal-Korp tal-Pulizija kontra t-traffikar tad-droga b’aktar suċċessi, hekk kif fl-aħħar sigħat ġew arrestati ħamest irġiel oħra, f’żewġ investigazzjonijiet separati.
Fl-ewwel investigazzjoni, wara sorveljanza fuq propjeta’ fl-Imsida u oħra f’Ħal Balzan, matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, il-Pulizija arrestat tliet Maltin u Svediż.
Minn tfittxija li saret f’dawn il-propjetajiet u anke f’vettura, instabu diversi tipi ta’ sustanzi suspettati kokaina, ecstasy, kannabis, ketamina u LSD, allegatament lesti għat-traffikar. Ġew elevati wkoll numru ta’ boroż tal-plastik żgħar vojta, imwieżen diġitali, mobiles, ammont ta’ flus kontanti u oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
Intant, f’investigazzjoni oħra separata, raġel mis-Serbja jinsab arrestat wara li rriżulta li allegatament kien qiegħed jittraffika d-droga waqt li kien involut f’inċident tat-traffiku.
Kawża tal-inċident, li seħħ fil-Mosta fid-29 ta’ Settembru li għadda, ir-raġel, sofra ġrieħi serji. Fil-jiem illi ghaddew il-kundizzjoni tas-Serb qalbet għall-aħjar u għaldaqstant ġie arrestat
Minn investigazzjonijiet illi saru dakinhar tal-inċident, f’kompartament li kellu l-mutur, instabu diversi tipi ta’ sustanzi allegatament kokaina, kannabis, MDMA u ketamina, f’ċirkostanzi li kienu juru li huma lesti għat-traffikar.
Uħud minn dawk arrestati mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Dr Lara Lanfranco LL.D. għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar (1430hrs).