(PR 225/25 & PR 226/25)
Aġġornament: Iż-żgħażagħ kollha ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
L-inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Illum, għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ filgħodu (0415hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li hemm argument fi Triq Santa Rita, San Ġiljan.
Minnufih il-Pulizija marret fuq il-post fejn sabu tlett irġiel mir-Renju Unit li għandhom 31, 36 u 55 sena, rispettivament, b’xi ġrieħi allegatament ikkawżati b’arma li taqta’ u bil-ponta. Tim mediku issejjaħ fuq il-post u dawn ittieħdu l-Isptar Mater Dei.
Fl-istess waqt il-pulizija ġew infurmati li hemm argument ieħor fi Triq Santu Wistin u sabu tliet żgħażagħ jargumentaw bejniethom.
Il-Pulizija intervjeniet u arrestat żewġ żgħażagħ Maltin ta’ 17-il sena u 18-il sena, fejn fil-pussess taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena instab li kellu sikkina. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li huma kienu qegħdin jargumentaw ma’ żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena li kellu xi ġrieħi allegatament ikkawżati minn sikkina.
Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li ż-żewġ persuni arrestati kienu involuti wkoll fl-argument li seħħ ftit aktar qabel.
Tim mediku reġa’ issejjaħ fuq il-post u ambulanzi ħadu l-vittma ta’ 18-il sena, kif ukoll l-allegat aggressuri l-Isptar Mater Dei.
Aktar tard, tnejn mill-irġiel barranin ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi, l-ieħor ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief, filwaqt li l-kundizzjoni tal-oħrajn għadha pendenti.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D li fetaħ inkjesta filwaqt l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.