(PR 324/25 & PR 325/25)
Aġġornament: Waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet b’rabta mas-serqa ta’ dan il-lejl f’Tas-Sliema, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ dalgħodu (1130hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa oħra, din id-darba minn ħanut fi Triq Tal-Balal, San Ġwann. Jirriżulta li żewġt irġiel mgħammda u armati b’sikkina daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera. Wara ħarbu minn fuq il-post b’Toyota Ractis ta’ lewn aħmar.
Ftit mumenti wara s-serqa, waqt li l-Pulizija kienet qed tagħmel tfittxijiet għal l-imsemmija vettura, innutawha tinstaq fil-Ħamrun. Din twaqqfet fi Triq Mountbatten, fejn ix-xufier, Malti ta’ 42 sena u residenti Birżebbuġa, ġie arrestat.
Mill-investigazzjonijiet illi saru, jirriżulta li fis-serqa ta’ Tas-Sliema, iż-żewġ ħallelin użaw ukoll l-istess vettura.
Intant, aktar investigazzjonijiet wasslu għall-arrest tat-tieni allegat ħalliel, Libjan ta’ 37 sena, residenti Tas-Sliema. Huwa ġie arrestat fir-residenza tiegħu.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D fejn ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fiż-żewg każijiet għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-sagħtejn (0200hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa minn ħanut fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġt irġiel allegatament armati b’sikkina, daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxier, raġel min-Nepal ta’ 25 sena.
L-irġiel ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti u oġġetti oħra.
Ħadd ma weġġa’, bil-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għal dawn iż-żewġt irġiel.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.