(PR 298/25)
Erba’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija rritornaw lura minn Nizza fi Franza, fejn fuq talba tal-Pulizija Nazzjonali Franċiża, assistew f’ħidma ta’ sigurtà waqt il-konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Oċean, li saret fil-jiem illi għaddew f’din il-belt fix-Xlokk tal-kosta ta’ Franza
B’attendenza ta’ eluf ta’ persuni, fosthom delegazzjonijiet tal-livell għoli, l-uffiċjali Maltin kienu stazzjonati f’diversi postijiet strateġiċi madwar Nizza, fejn assistew f’kontrolli tat-traffiku u anke kontrolli tal-folol, kif ukoll tfittxijiet fuq individwi suspettużi.
F’Nizza, is-Surġenti Carlos Farrugia u Christian Bonello flimkien mal-Kuntistabblijiet Jurgen Portelli u Omar Sharif, ħadmu id f’id mal-Pulizija Franċiża, fosthom f’rondi bil-vetturi u bil-mixi.
L-erba’ pulizija Maltin assistew ukoll fuq theddida ta’ bomba, fuq inċident tat-traffiku, kif ukoll wieħed mill-uffiċjali assista fuq każ relatat mat-traffikar tal-kannabis.
It-talba biex il-Korp tal-Pulizija jibgħat uffiċjali minn tiegħu biex jassisti pajjiż ieħor juri l-kollaborazzjoni kbira li teżisti bejn il-forzi tal-ordni rispettivi u l-professjonalità tal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.