PR 591/26
Aktar kmieni llum għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ waranofsinhar (1445hrs), intalbet l-assistenza f’residenza fi Triq Valletta, l-Imqabba b’rabta ma’ argument familjari.
Minnufih l-uffiċjali rrikorrew fuq il-post fejn sabu anzjan fuq barra tad-dar bi ġrieħi f’sidru permezz ta’ arma li taqta u bil-ponta. Għaldaqstant intalbet l-assitenza medika, fejn ir-raġel li għandu 74 sena ttieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza għall-kura fejn aktar tard l-anzjan kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.
Il-Pulizija wettqet tfittxija fir-residenza u kif l-uffiċjali telgħu fis-sular ta’ fuq, fil-kċina, sabu mara bla ħajja b’diversi feriti f’ġisimha. Il-mara li għandha 72 sena kienet iċċertifikata mejta.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li ż-żewġ vittmi, li jiġu minn xulxin, kienu allegatament aggrediti mill-istess persuna li ħarbet minn fuq il-post. Għaldaqstant bdiet tfittxija għalih, fejn ftit tal-ħin wara instab fir-residenza tiegħu fi Triq Ħal Farruġ, is-Siġġiewi. L-allegat agressur, raġel ta’ 47 sena, ġie arrestat wara negozjati minn negozjator mħarreġ tal-Pulizija.
Il-Maġistrat Dr Renata Farrugia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.