Il-Korp tal-Pulizija u l-MFWS jingħaqdu flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità online

(PR 133/25)

Il-kriminalità online qed tikber b’rata mgħaġġla u qed issir aktar sofistikata, u dan qed iwassal lill-Korp tal-Pulizija biex jipprovdi lill-uffiċjali tal-komunità taħriġ speċjalizzat mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society biex ikunu mgħammra aħjar fl-identifikazzjoni ta’ riskji emerġenti.
Id-data tal-pulizija turi li fuq medda ta’ 20 sena bejn l-2004 u l-2024, il-kriminalità ‘fuq ġewwa’ sparat sa 36 fil-mija tar-reati kollha minn erbgħa fil-mija biss, u b’hekk dan it-taħriġ sar aktar essenzjali biex jitrawwem ambjent diġitali aktar sikur għall-komunità u t-tfal.
Il-President tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, Marie-Louise Coleiro Preca, faħħret lill-Korp tal-Pulizija li qed iħares ‘il quddiem u jipprovdi taħriġ kruċjali lill-uffiċjali tiegħu.
“L-edukazzjoni għandha tkun l-ewwel linja ta’ difiża tagħna. Jekk aħna serji dwar il-ħolqien ta’ dinja diġitali aktar sigura, irridu niffukaw l-attenzjoni tagħna minn miżuri reattivi għal prevenzjoni proattiva, imsejsa fuq kollaborazzjoni biex inwaqqgħu s-sajlos u nibnu dinja diġitali aktar sigura,” qalet is-Sinjura Coleiro Preca.
Illum ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society biex tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni u jiġi segwit it-taħriġ ta’ suċċess li diġà ngħata lil 26 uffiċjal mis-Cyber Crime Unit.
Il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society hija akkreditata mill-Malta Further and Higher Education Authority biex twassal dan it-taħriġ, li jifforma parti mill-proġett Promoting Online Protection – P.O.P-Up.
Fl-2023, il-Fondazzjoni kkummissjonat stħarriġ — l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu — li wera li kważi terz tal-istudenti kollha ta’ bejn is-seba’ u l-15-il sena rċevew messaġġi goffi jew mhux xierqa online, filwaqt li 15 fil-mija tat-tfal esperjenzaw xi forma ta’ abbuż online.
Mit-tnedija tal-P.O.P-Up, il-Fondazzjoni ilha taħdem bla heda mal-partijiet interessati kollha, inkluż il-Korp tal-Pulizija, biex iżżomm il-pass mat-tattiċi li qed jevolvu tal-predaturi online u tindirizza l-epidemija diġitali tal-isfruttament tat-tfal.
Waqt l-iffirmar tal-lum, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li din is-sħubija bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society irrappreżentat pass sinifikanti ‘l quddiem fl-isforzi kollettivi biex it-tfal ikunu protetti mill-abbuż online.
“Permezz tal-proġett P.O.P-Up qed narmaw lill-uffiċjali tagħna b’taħriġ vitali, inqajmu kuxjenza fil-komunità, u nipprovdu riżorsi essenzjali biex nissalvagwardjaw lit-tfal fl-ispazju diġitali. Din il-kollaborazzjoni tenfasizza l-impenn sod tagħna li niżguraw ambjent online aktar sikur għall-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna,” qal is-Sur Gafà.
Dan it-taħriġ se jgħammar lill-uffiċjali bl-aħħar strateġiji u għodod għall-identifikazzjoni tar-riskji, u l-involviment mal-komunità b’mod effettiv, filwaqt li jiżgura li l-uffiċjali jkunu ppreparati aħjar biex jagħmlu approċċ aktar proattiv u infurmat fl-interazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum fi ħdan il-komunità, inkluż fil-komunikazzjoni tagħhom mat-tfal tal-iskola.
“Dan l-MOU se jkompli jsaħħaħ l-approċċ tal-pulizija tagħna fl-ambjent diġitali li permezz tiegħu nistgħu nikkontribwixxu lejn dinja diġitali aktar sikura għal uliedna fejn il-viżibbiltà tal-pulizija u l-approċċi proattivi huma ferm aktar ta’ sfida mill-ambjent fiżiku,” żied jgħid is-Sur Gafà.
Ħarsa Ġenerali tal-Privatezza

Din il-websajt tuża cookies biex inkunu nistgħu nipprovdulek l-aħjar esperjenza possibbli. L-informazzjoni tal-cookies tinħażen fil-browser tiegħek u twettaq funzjonijiet bħal li tagħrafek meta terġa’ lura għall-websajt tagħna u tgħin lit-tim tagħna jifhem liema sezzjonijiet tal-websajt issib l-aktar interessanti u utli.

Cookies Assolutament Neċessarji

Il-Cookie Assolutament Neċessarju għandu jkun attivat il-ħin kollu biex inkunu nistgħu nżommu l-preferenzi tiegħek għas-settings tal-cookies.

Cookies Limitati Ta' Partijiet Terzi

Dawn il-cookies huma ssettjati minn entitajiet oħra barra minn dan l-Uffiċċju, u jistgħu jkunu kemm temporanji jew persistenti. L-użu ta' dawn il-cookies f'dan is-sit huwa ristrett u huwa permess biss għal skop ta' qsim soċjali (jippermettilek li tqassam l-artikli tagħna permezz tan-networks varji tal-midja soċjali) u għal meta ndaħħlu kontenut ta' siti terzi fuq il-paġni ta' dan is-sit.