PR 670/26
Żewġ operazzjonijet separati b’rabta ma’ investigazzjonijiet fuq persuni allegatament involuti f’ċirku ta’ kriminalita’ organizzata ta’ traffikar tad-droga, wasslu għal diversi arresti u tfittxijiet f’residenzi f’lokalitajiet differenti madwar Malta.
Waqt li ġew arrestati ħames persuni – erbat irġiel kif ukoll żewġ nisa, li l-età tagħhom tvarja bejn it-22 u 53 sena – l-investigazzjonijiet wasslu għas-sekwestru ta’ sustanzi suspettati kokaina, crack cocaine u eroina, kif ukoll madwar €8,000 fi flus kontanti. Ġew issekwestrati wkoll vetturi lussużi, apparat suspettat li jintuża biex tiġi ppressata d-drogi, flimkien ma’ tagħmir ieħor elettroniku, dokumenti, ċwievet, ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta.
Fl-ewwel operazzjoni, il-Pulizija ċċirkondaw numru ta’ proprjetajiet li mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li fihom, allegatament kienet qed tiġi manifatturata d-droga għat-traffikar. Għaldaqstant saru rejds koordinata fuq residenzi fiż-Żejtun, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Fgura, Birkirkara u Ħaż-Żebbuġ. Minn dawn il-postijiet ġew arrestati żewġt irġiel u żewġ nisa.
Fit-tieni operazzjoni, il-Pulizija bdiet tagħmel sorveljazi fuq il-passi ta’ raġel ta’ 28 sena miż-Żejtun wara suspett li kien qed jittraffika d-droga. Waqt li kien qiegħed fi sqaq fl-inħawi ta’ Marsaxlokk huwa deher jaġixxi b’mod suspettuż u ġie arrestat fuq il-post. Minn tfittxija li saret fuqu, fil-vettura li kien qed isuq u f’residenza tiegħu, il-Pulizija kkonfiskat ammount ta’ flus kontanti, ammont ta’ kokaina li nstabet moħbija f’ħajt tas-sejjieħ, mobiles, sim cards, ponn tal-ħadid u taser.
Il-ħames persuni qed jinżammu taħt arrest u mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar (1400hrs), quddiem il-Maġistrat Dr Lara Lanfranco LL.D akkużati bit-traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u kif ukoll li jagħmlu parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata.