PR 560 26
Il-Pulizija Maltija kompliet tintensifika l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga permezz ta’ żewġ operazzjonijiet separati li saru fl-aħħar sigħat f’Malta u Għawdex.
Dawn wasslu għall-arrest ta’ tmien persuni u s-sejba ta’ aktar minn 20 kilo sustanza suspettata eroina u aktar minn 8 kilo sustanza suspettata kokaina.
Fl-ewwel sejba, il-Pulizija kompliet issegwi informazzjoni marbuta ma’ investigazzjoni preċendenti fejn raġel ta’ 49 sena kien ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ sustanza suspetta eroina.
Wara aktar investigazzjonijiet, irriżulta li l-istess persuna kienet tikri garaxx fiż-Żurrieq. Għaldaqstant, ir-raġel reġa’ ġie arrestat u skortat lejn il-garaxx, fejn hemmhekk il-Pulizija sabet pannelli tal-injam mwaħħla flimkien li fihom kien hemm mnaqqax kompartiment falz.
Ipparkjajt fl-istess garaxx kien hemm vann bl-istess pannelli u fihom il-pulizija sabu madwar 7.7 kilogrammi droga suspettata kokaina u 20.7 kilogrammi droga suspettata eroina, flimkien ma’ materjal għall-ippakkjar, imwieżen elettroniċi u diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
F’operazzjoni oħra li saret f’Għawdex, il-Pulizija wettqet sorveljanza fuq żewġ postijiet, fil-Qala u r-Rabat, li allegatament kienu qed jintużaw għall-ħażna u t-traffikar tad-droga mill-istess grupp ta’ persuni.
Ilbieraħ filgħaxija, il-Pulizija daħlet fil-postijiet u mir-residenza fil-Qala ġew arrestati tliet persuni. Ftit tal-ħin wara waslu żewġ persuni oħra li wkoll ġew arrestati.
Wieħed minnhom ipprova jaħrab iżda nqabad immedjatament wara li tefa’ borża li kien fiha 8 qratas b’sustanza suspettata kokaina.
Mir-residenza fir-Rabat ġew arrestati żewġ persuni.
Aktar tfittxijiet li saru fil-postijiet wasslu għas-sejba ta’ madwar nofs kilogramma ta’ sustanza suspettata kokaina fil-Qala, filwaqt li fir-Rabat instab ammont ieħor żgħir ta’ sustanzi suspettati droga.
Matul din l-operazzjoni f’Għawdex ġew arrestati total ta’ seba’ persuni; sitt irġiel u mara.
Dwar dawn il-każijiet infetħu inkjesti maġisterjali separati mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud u mill-Maġistrat Dr Jean Paul Grech.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.