Post ta' Kuntistabbli

Data: Nov 09, 2018
 
 
 MINISTERU TAL-INTERN U S-SIGURTA’ NAZZJONALI


POST TA’ KUNTISTABBLI FID-DIPARTIMENT TAL-PULIZIJA FIL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTA’ NAZZJONALI

(Skont l-HR Plan tal-Ministeru għas-sena 2018)

Nomenklaturi li jindikaw il-maskil jinkludu wkoll il-femminil


1. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, jilqa’ applikazzjonijiet għall-post ta’ Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali.


Termini u kundizzjonijet

2.1 Din il-ħatra hija soġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ sentejn.

2.2 Is-salarju ta’ Kuntistabbli huwa ta’ Skala ta' Salarju 14, li huwa ta’ €14,928 fis-sena, li jiżdied b’€316.83 fis-sena sa massimu ta’ €16,829. 

2.3 Persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija titla’ fi Skala 13 (li huwa ta’ €15,955 x €335.50 - €17,968) wara sentejn (2) fis-servizz fil-grad, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.

2.4 Persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija titla’ fi Skala 12 (li huwa ta’ €17,026 x €354 - €19,150) wara sitt (6) snin fis-servizz fi Skala 13, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.

2.5 Persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija tavvanza għal Kuntistabbli Anzjan tal-Pulizija fi Skala 11 (li hija ta’ €18,153 x €375.17 - €20,404.00) wara erba’ (4) snin fis-servizz fi Skala 12, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.

2.6 Minħabba n-natura tax-xogħol, il-post ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija tattira ukoll allowances kif speċifikat fil-ftehim settorjali tal-Korp tal-Pulizija ntitolat, New Salary Structure and Conditions for the Police Force.

2.7 Matul iż-żmien li l-kandidati jkunu jattendu l-kors fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, jitħallsu l-paga bażika ta’ Skala 18 (li hija ta’ €11,500) sakemm jieħdu l-ġurament tal-ħatra bħala Kuntistabbli tal-Pulizija bi Prova. 



Dmirijiet

Id-dmirijiet ta’ persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija jinkludu:

a) li jżomm l-ordni u l-kwiet pubbliku, li ma jħallix isiru reati, li jġib ‘il quddiem u jwettaq it-tħaris tal-liġijiet, bħala l-ewwel garanzija tad-drittijiet ta’ kull persuna f’Malta, ukoll qabel ma tkun meħtieġa xi azzjoni permezz tas-sistema ġudizzjarja għar-ripressjoni, sanzjoni jew rimedju ta’ xi ksur;
b) li jirrispondi minnufih għal kull talba għall-ħarsien u l-intervent tal-liġi;
ċ) li japplika l-liġi mingħajr ebda diskriminazzjoni minħabba f’xi raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon, il-fehma politika jew xi fehma oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, l-assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, il-proprjeta’, it-twelid jew kull status ieħor;
d) li jġib ‘il quddiem il-koeżistenza ordinata u paċifika tal-persuni kollha f’Malta, filwaqt li jieħu ħsieb kif dovut mhux biss tad-drittijiet dwar il-proprjeta’ privata imma wkoll dwar il-proprjeta’ pubblika;
e) li jfittex li jħares l-ambjent bħala parti mill-ġid komuni;
f) li jgħin, f’limiti raġonevoli, lil kull persuna li tkun qed tfittex l-għajnuna ta’ Pulizija jew xi uffiċjal pubbliku ieħor ukoll jekk ir-responsabbilta’ biex fl-aħħar mill-aħħar tiġi pprovduta dik l-għajnuna ma tkunx tappartjeni lill-Korp;
ġ) li jwettaq onestament u effettivament dawk id-dmirijiet kollha lilu assenjati mill-Kummissarju tal-Pulizija jew b’xi liġi oħra;
ħ) dmirijiet ohra skont l-esigenzi tas-Servizzi Pubbliku skont istruzzjonijiet mogħtija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni. 

Aktar dettalji dwar id-dmirijiet marbuta ma dan il-post jistgħu jinkisbu mit-Taqsima tar-Riżorsi Umani, Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana.


Rekwiżiti tal-eliġibbiltà

4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom ikunu:

(i) ċittadini ta’ Malta;  
            
(ii)  ikunu kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u Ingliża;

(iii) f’pussess ta’ pass f’livell MQF 3 f’erba’ (4) suġġetti li jkunu jridu jinkludu l-Malti u l-Lingwa Ingliża (ikunu wkoll accettati suggetti fi Grad 6 jew D jew f’livell kumparabbli);   jew

ikollhom kwalifika f’livell VET 3 jew Secondary School Certificate and Profiling Qualification f’livell MQF 3 fil-Malti, Ingliż u f’żewġ suġġetti oħra bħala units ta’ studju separati fil-kors li jkunu segwew;

Applikanti li jkollhom fil-pussess tagħhom MCAST Diploma f’MQF livell 3, jew MCAST-BTEC First Diploma jew MCAST-BTEC Diploma jew Ċertificat tas-City and Guilds f’Livell 2 jiġu kkunsidrati wkoll;

(iv) ikunu għalqu t-tmintax (18)-il sena iżda mhux it-tletin (30) sena sat-Tnejn 3 ta’ Diċembru 2018;

(v)  ikunu ta’ tul, fil-każ tal-irġiel, mhux anqas minn 1.65m u fil-kaz tan-nisa, mhux anqas minn 1.55m meta jitkejlu ħafjin;

(vi)  ikunu medikament b’saħħithom f’kull rispett, kemm fiżikament kif ukoll mentalment, skont l-istandard mediku ta’ saħħa fil-Korp biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri kollha ta’ Pulizija;

(vii)  applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi u/jew body piercing eċċessiv jiġu kkunsidrati skont il-każ;

4.2 Kwalifiki li huma ta’ livell ogħla minn dak rikjest hawn fuq jiġu aċċettati għall-fini ta’ eliġibbilita’, sakemm dawn ikunu fis-suġġetti mitluba.  

Dawk il-kandidati li ma jkunux għadhom ġabu l-kwalifiki imsemmija hawn fuq formalment xorta jiġu ikkunsidrati, basta jipprovdu evidenza li ġew appovati għall-għoti tal-kwalifiki imsemmija jew inkella jkunu lestew b’suċċess il-krediti meħtieġa tal-ECTS/ECVETS, jew ekwivalenti, meħuda bħala parti minn programm ta’studju ta’ livell tal-MQF rikonoxxut, kif mitlub fil-kriterji tal-eliġibilita’ ta’ hawn fuq jew ogħla, sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

4.3 Uffiċjali Pubbliċi li għandhom grad fi klassi partikolari, u li ngħataw il-ħatra ta’ Officer in Scale permezz ta’ deċiżjoni tal-Grievances Unit fl-istess skala ta’ dak ta’ grad ogħla fl-istess klassi, huma eliġibbli li japplikaw għal gradi miftuħa għal uffiċjali li għandhom tali grad ogħla bl-istess skala ta’ dik tal-ħatra ta’ Officer in Scale.

Is-snin ta’ servizz mid-data ta’ meta ġiet effettiva l-ħatra bħala Officer in Scale jgħoddu bħala parti mis-snin ta’ servizz mitluba fis-sejħa t’applikazzjonijiet.

Kwalunkwe kriterju ieħor t’eliġibbilta’ għall-post irid jiġi sodisfatt skont din is-sejħa t’applikazzjonijiet.


4.4 L-applikanti jridu jkunu ta’ kondotta li hi xierqa għall-post li l-persuna qed tapplika għaliha (applikanti li diġa’ qegħdin jaħdmu fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta jridu jippreżentaw is-Service and Leave Record Form (GP 47); filwaqt li dawk li japplikaw minn barra jridu jippreżentaw Ċertifikat riċenti tal-Kondotta maħruġ mill-Pulizija jew awtorita’ oħra kompetenti mhux aktar minn xahar (1) qabel id-data tal-applikazzjoni, u jindikaw jekk qatt kinux impjegati tal-Gvern qabel u jagħtu d-dettalji).

4.5 Il-kandidati magħżula jridu jkunu eliġibbli għall-ħatra f’dan il-grad, skont 4.1 - 4.4 hawn fuq, mhux biss sal-ħin u d-data tal-għeluq ta' din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, iżda wkoll fid-data tal-ħatra.
4.6 L-applikanti prospettivi għandhom jaraw il-proviżżjonijiet ġenerali marbuta ma’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet fejn jikkonċerna s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki mingħand l-MQRIC, jew awtorita’ pertinenti oħra, kif applikabbli (ara l-link aktar ‘l isfel).


Sottomossjoni ta' dokumentazzjoni

5.1 Il-kwalifiki u l-esperjenza li l-persuna jkollha għandhom jintwerew b’ċertifikati u/jew dokumenti li kopja tagħhom għandha tkun mehmuża mal-applikazzjoni.  Kopji scanned mibgħuta b’mod elettroniku huma aċċettati.

5.2 Id-dokumenti oriġinali għandhom, mingħajr eċċezzjoni, jintwerew waqt l-intervista.


Proċeduri tal-għażla

6 L-EWWEL PARTI - EFFIĊJENZA FIŻIKA / TEST MEDIKU

6.1 Eżami mediku preliminari;

6.2 L-applikanti li jikkwalifikaw ikunu meħtieġa li joqogħdu għat-test ta’ Effiċjenza Fiżika, taħt Bord ta’ Għażla maħtur mill-Kummissarju tal-Pulizija, biex jiġi żgurat li jkunu f’saħħithom skond l-istandards tal-Korp tal-Pulizija.

Il-livell minimu tat-Test fl-Effiċjenza Fiżika hu magħmul minn dawn it-tliet partijiet:


                                                        Eta`                            Irġiel                  Nisa

1 Mile Run                                        18 - 30                       10 min              12 min


Push-Ups (Repetizzjonijiet)               18 - 30                                  15                           10


Sit-Ups (Repetizzjonijiet)                       18 - 30                                 25                           20


Il-kandidati jridu mill-anqas jilħqu l-istandard minimu f’kull parti tat-test fl-Effiċjenza Fiżika, biex jitqiesu li għaddew mit-test fl-Effiċjenza Fiżika. Il-kandidati li ma jgħaddux f’xi wieħed mill-partijiet tat-test fl-Effiċjenza Fiżika, ikunu jistgħu jerġgħu joqgħodu għal re-sit ta’ dak it-test partikulari, fi żmien ġimgħa wara li jkun sar l-ewwel test komplut.

Huma dawk il-kandidati biss li jgħaddu mill-partijiet kollha tat- test fl-Effiċjenza Fiżika li jitħallew joqogħdu għall-intervista.




7 IT-TIENI PARTI - INTERVISTA SELETTIVA

7.1 Intiża biex ikunu magħrufa dawk il-kwalitajiet personali tal-kandidati, bħal personalita’, zveltezza, intelliġenza, komportament personali, kortesija, sens komun, u oħrajn, meħtieġa minn Kuntistabbli tal-Pulizija.  Il-marka massima ghal dan il-proċess tal-għażla hija 100 u l-marka li persuna trid iġġib biex tgħaddi hija 50.


8 IT-TIELET PARTI - EŻAMI MEDIKU

8.1 Il-kandidati kollha li jkunu għaddew b’suċċess l-ewwel u t-tieni parti, jkunu suġġetti li jagħmlu eżami mediku.

9 Il-kandidati li ma jgħaddux mill-intervista u/jew minn xi wieħed mill-eżamijiet mediċi ma jitħallewx isegwu l-kors ta’ taħriġ.

10 Tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kandidati li, minbarra dak rikjest f’paragrafi 4.1 - 4.4, għandhom esperjenza ta’ xogħol relevanti u ppruvata.

11 Il-pożizzjonijiet vakanti jimtlew skont l-ordni ta’ mertu finali fl-eżamijiet wara li jitlesta l-kors fl-Akkademja. L-ordni ta’ mertu jibqa’ jgħodd sa sena min-notifika tar-riżultati u dan sabiex eventwalment ikunu jistgħu jimtlew pożizzjonijiet vakanti oħra.

12 Il-kandidati li jintgħażlu, u li diġa’ huma marbutin bi ftehim f’xi skema oħra ta’ apprendistat, ma jkunux jistgħu jidħlu f’din l-iskema sakemm ma jġibux ċertifikat mill-Jobsplus li jħollhom mill-ftehim tal-iskema ta’ apprendistat ieħor.

13 Il-kandidati magħżula għall-kors, li jkunu magħrufa bħala Kuntistabbli tal-Pulizija fuq Taħriġ, ikunu ntitolati għal uniformi b’xejn, u jistgħu jkunu meħtieġa li jagħmlu prattika ta’ xogħol fuq shift taħt sorveljanza, li jinkludi xogħol bil-lejl u/jew xogħol manwali kif meħtieġ. Parti mit-taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati jkun fuq bażi residenzjali.

14 Il-kandidati jkunu soġġetti għad-dixxiplina, anke matul il-perjodu ta’ taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, skont l-Att dwar il-Pulizija, Kapitolu 164.

15 Il-perjodu ta’ taħriġ fl-Akkademja jkun jikkonsisti f’kors inizjali komprensiv, li matulu l-Kuntistabbli tal-Pulizija fuq taħriġ għandhom isegwu dawk il-korsijiet ta’ studju, u jagħmlu l-eżamijiet kif ikun mitlub fil-kors ta’ taħriġ, skont ir-regolamenti ġodda tal-kors. L-imsemmi taħriġ komprensiv isir fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u/jew f’lokalitajiet u/jew postijiet oħra, skont il-ħtieġa. Matul dan il-perjodu, l-Kuntistabbli tal-Pulizija fuq Taħriġ ikunu evalwati fil-prattika u t-teorija minn żmien għal żmien. Kandidati li ripetutament ma jirnexxilhomx jilħqu l-livell meħtieġ, jista’ jkollhom it-taħriġ tagħhom itterminat f’kull żmien.  Kuntistabbli tal-Pulizija fuq taħriġ ma jkunux intitolati għall-ebda ‘vacation leave’ matul il-perjodu ta’ taħriġ tagħhom fl-Akkademja.

16 Kandidati li jilħqu livell sodisfaċenti fl-aspetti kollha tal-kors inizjali jkunu eliġibbli biex jinħatru Kuntistabbli bi prova għal sentejn. Il-ħatriet isiru skont il-pożizzjonijiet vakanti eżistenti kif provdut f’paragrafu 11. L-aħħar ordni ta’ mertu tkun determinata mit-total ta’ marki miksuba matul il-kors kollu ta’ taħriġ. Dawk li jiksbu livell ta’ distinzjoni jistgħu jingħataw l-opportunita’ li jieħdu taħriġ avvanzat. Dawk li ma jilħqux il-livell meħtieġ ma jinħatrux Kuntistabbli u l-perjodu ta’ taħriġ tagħhom jiġi terminat. Madankollu, jista’ jingħatalhom ċans ieħor biex jerġgħu jagħmlu l-eżami/eżamijiet finali.

17 Matul il-perjodu ta’ sentejn bi prova bħala Kuntistabbli tal-Pulizija, ir-rekluti ġodda jkunu meħtieġa jkomplu bil-kors ta’ taħriġ prattiku fil-Korp tal-Pulizija, li matulu:

(i) jiġu assenjati f’dawk is-Sezzjonijiet tal-Korp skont kif jidhirlu li jkun l-aħjar il-Kummissarju tal-Pulizija, u
(ii) ikunu evalwati kull erba’ xhur. Il-progress ta’ kull kandidat jiġi evalwat fit-tmiem ta’ kull test.

18 Pulizija Kuntistabbli bi prova li ripetutament ma jirnexxilhomx jilħqu l-livell meħtieġ fl-evalwazzjoni ta’ kull erba’ xhur jista’ jkollhom il-ħatra tagħhom itterminata fit-tmiem tal-perjodu ta’ prova.

19 Il-Kummissarju tal-Pulizija jista’ jtemm fi kwalunkwe’ ħin il-kors ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija fuq taħriġ jekk dan/din juri/turi progress mhux suffiċjenti, nuqqas ta’ mġieba korretta, attitudni ħażina jew fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

20 Pulizija Kuntistabbli bi prova jistgħu wkoll ikunu meħtieġa jagħmlu korsijiet jew iservu barra minn Malta, skont l-eżiġenzi tas-servizz.


Sottomissjoni tal-applikazzjoni

21 L-applikazzjonijiet flimkien ma' curriculum vitae li juru kwalifiki u esperjenza flimkien ma żewġ ritratti riċenti daqs tal-passaport għandhom jintbagħtu lit-Taqsima Riżorsi Umani, Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana, indirizzati lill-Kummissarju tal-Pulizija, mhux aktar tard min-nofsinhar ta' nhar it-Tnejn 3 ta’ Diċembru, 2018.

(i) Applikazzjonijiet jridu jitwasslu personalment mill-applikant u tingħata rċevuta minnufih għal kull applikazzjoni li titwassal fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija.


(ii) Applikazzjonijiet li jaslu minn barra minn Malta permezz sa nofsinhar ta’ nhar it-Tnejn 3 ta’ Diċembru, 2018, jiġu kkunsidrati basta jkollhom id-dettalji kollha meħtieġa. L-applikazzjoni formali ffirmata mill-applikant/a trid tasal għand id-Dipartiment mhux aktar tard minn ġimgħa wara d-data tal-għeluq ta' l-applikazzjonijiet u għandha tingħata spjegazzjoni għad-dewmien. 


Provvedimenti ġenerali oħra

22 Provvedimenti ġenerali oħra dwar din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, b'referenza partikolari għall-:

benefiċċji applikabbli, kundizzjonijiet u regoli/regolamenti;
bdil raġonevoli għall-persuni rreġistrati b'diżabilita;
sottomissjoni ta' dikjarazzjoni ta' rikonoxximent dwar il-kwalifiki ;
pubblikazzjoni tar-riżultat;
eżami mediku; 
proċess sabiex tiġi sottomessa petizzjoni dwar ir-riżultat;
aċċess għall-formola tal-applikazzjoni u dettalji relatati ;
żamma ta’ dokumenti


jistgħu jiġu aċċessati permezz tas-sit elettroniku tad- Diviżjoni dwar Nies u Standards fl-indirizz https://publicservice.gov.mt/en/people/Pages/PeopleResourcingandCompliance/FormsandTemplates.aspx  jew jinkisbu mit-Taqsima tar-Riżorsi Umani, Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana.  Dawn il-provvedimenti ġenerali għandhom jiġu meqjusa bħala parti integrali minn din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Is-sit elettroniku, numru tat-telefon u indirizz elettroniku tad-Dipartiment huma https://pulizija.gov.mt/, 21224001, filwaqt li tal-email  huwa hr.police@gov.mt. 






Kummissarju tal-Pulizija
Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali