Sejħa Esterna għall-Post ta' Spettur tal-Pulizija

Data: Ġun 28, 2019
 
MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
 
 
POST TA’ SPETTUR TAL-PULIZIJA FIL-KORP TAL-PULIZIJA
 
 
 
Nomenklaturi li jindikaw il-maskil jinkludu wkoll il-femminil.
 
 
1. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, jilqa’ applikazzjonijiet għall-post ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
 
 
Termini u kundizzjonijet
 
2.1 Din il-ħatra hija soġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ sentejn (2) wara li jtemm b’suċċess l- Eżami Tal-Kwalifika (ara it-Tieni Part tal-Proċess tal-Għażla hawn taħt).
 
 
2.2 Is-salarju ta’ Spettur tal-Pulizija huwa ta’ €22,645 fis-sena, li jiżdied b’€486.83 fis-sena sa massimu ta’ €25,566 (Skala 8).
 
2.3 Persuna fil-grad ta’ Spettur tal-Pulizija titla’ fi Skala 7 (€24,153 x €531.17 - €27,340) wara erba’ (4) snin servizz fil-grad jekk ikun qeda dmiru b’mod sodisfaċenti.
 
2.4 Wara sitt (6) snin fi Skala 7, Spettur tal-Pulizija jiġi promoss għal Spettur Anzjan fi Skala 6 (€25,779 x €596.33 - €29,357) jekk ikun qeda dmiru b’mod sodisfaċenti.
 
2.5 Minħabba n-natura tax-xogħol, il-post ta’ Spettur tal-Pulizija jattira wkoll allowances kif speċifikat fil-ftehim settorjali tal-Korp tal-Pulizija intitolat, ‘Sectoral Agreement Regulating the Conditions of Service for the Police Force, 2018’.
 
 
Dmirijiet
 
3. Id-dmirijiet ta’ Spettur tal-Pulizija jinkludu:
 
a) l-investigazzjoni u t-tkixxif ta’ reati;
 
b) il-prosekuzzjoni quddiem il-Qrati tal-Maġistrati;
 
c) l-amministrazzjoni ġenerali tal-għassa/branka li jkunu assenjati fiha;
 
d) kull dmir ieħor mogħti lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija;
 
e) dmirijiet oħra skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku skont struzzjonijiet mogħtija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni.
 
Aktar dettalji dwar id-dmirijiet marbuta ma’ dan il-post jistgħu jinkisbu mit-Taqsima tar-Riżorsi Umani, Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana.
 
 
Rekwiżiti tal-eliġibbiltà
 
4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom ikunu:
 
(i) ċittadini ta’ Malta;
 
(ii) ikunu kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u Ingliża;
 
(iii) fil-pussess ta’ kwalifika rikonoxxuta fl-livell 6 MQF b’minimu ta’ 180 ECTS/ECVETS jew ekwivalenti fl-Management, Accounting, Ekonomija, Banking, Finanzi, Studji Legali, Xjenza, Studji Soċjali, Psikoloġija, IT u Kriminoloġija jew kwalifika professjonali komparabbli. Kwalifika fil-livell 6 MQF f’suġġetti oħra minbarra dawk imsemmija jistgħu jkunu kkunsidrati.
 
 
(iv) għalqu t-tmintax-il (18) sena iżda mhux il-ħamsa u tletin (35) sena sal-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2019.
 
(v) twal, fil-każ tal-irġiel, mhux anqas minn 1.65m u fil-każ tan-nisa, mhux anqas minn 1.55m meta jitkejlu ħafjin.
 
(vi) ta’ karattru morali tajjeb u jridu jippreżentaw ċertifikat riċenti tal-kondotta maħruġ mill-pulizija jew awtorità oħra kompetenti mhux aktar tard minn xahar (1) qabel id-data tal-applikazzjoni, u jindikaw jekk qatt kinux impjegati tal-Gvern qabel, u jagħtu d-dettalji.
 
Kull applikant huwa wkoll mitlub sabiex jissottometti dikjarazzjoni bil-miktub rigward proċeduri kriminali u/jew dixxiplinari li ttieħdu kontrih/ha fil-passat u/jew li għadhom pendenti.
 
(vii) applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi u/jew body piercing jiġu kkunsidrati skont il-każ.
 
4.2 Kwalifiki li huma ta’ livell ogħla minn dak mitlub hawn fuq jiġu aċċettati għall-fini ta’ eliġibbiltà, sakemm dawn ikunu fis-suġġetti mitluba. Kwalifika ta’ Masters f’livell 7 ta’ MQF, jew ekwivalenti, għandha tinkludi minimu ta’ 60 ECTS/ECVETS krediti, fir-rigward ta’ korsijiet li bdew minn Ottubru 2008.
 
Dawk il-kandidati li ma jkunux għadhom ġabu l-kwalifiki msemmija hawn fuq formalment xorta jiġu kkunsidrati, b’kundizzjoni li jipprovdu evidenza li ġew approvati għall-għoti tal-kwalifiki msemmija f’paragrafu 4.1(iii) sat-30 ta’ Novembru 2019.
 
4.3 Tingħata kunsiderazzjoni lil applikanti li barra mir-rekwiziti indikati f’paragrafi 4.1 sa 4.2, għandhom esperjenza relevanti u ppruvata.
 
4.4 Il-kandidati magħżula jridu jkunu eliġibbli għall-ħatra f’dan il-grad, skont 4.1 - 4.3 hawn fuq, mhux biss sal-ħin u d-data tal-għeluq ta' din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, iżda wkoll fid-data tal-ħatra.
 
4.5  L-applikanti prospettivi għandhom jaraw id-dispożizzjonijiet ġenerali marbuta ma’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet fejn jikkonċerna s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki mingħand l-MQRIC, jew awtorità pertinenti oħra, kif applikabbli (ara l-link aktar ‘l isfel).
 
4.6 Din is-sejħa pubblika qed tiġi ppubblikata fl-istess waqt ma’ sejħa dipartimentali għall-post ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija kif ippubblikata nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju 2019 permezz taċ-Cirkulari Nru GHQ24/2019.  Applikanti li jgħaddu taħt is-sejħa dipartimentali jingħataw preċedenza fuq dawk li jgħaddu taħt is-sejħa pubblika.  Barra minn hekk, persuna tista’ tiġi kkunsidrata għall-ħatra biss jekk ikun hemm vakanza fiż-żmien tal-validita tar-riżultat.
 
 
Sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni
 
5.1 Il-kwalifiki u l-esperjenza li l-persuna jkollha għandhom jintwerew b’ċertifikati u/jew dokumenti li kopja tagħhom għandha tkun scanned u mibgħuta permezz tar-Recruitment Portal fuq https://recuritment.gov.mt (taħt Uniformed and Security).  Dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu sottomessi aktar tard minn jumejn ta’ xogħol (2) mid-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, taħt l-ebda ċirkostanza.
 
5.2  Id-dokumenti oriġinali għandhom, mingħajr eċċezzjoni, jintwerew waqt l-intervista.
 
 
Proċess ta’ Selezzjoni
 
L-Ewwel Parti – Effiċjenza Fiżika / General Ability Test / Intervista / Test Mediku
 
6.1  L-applikanti kollha eliġibbli li jikkwalifikaw ikunu meħtieġa li joqogħdu għal test ta’ Effiċjenza Fiżika, taħt Bord ta’ Għażla maħtur mill-Kummissarju tal-Pulizija, biex jiġi żgurat li jkunu f’saħħithom skont l-istandards tal-Korp tal-Pulizija.
 
Il-livell minimu tat-Test fl-Effiċjenza Fiżika hu magħmul minn dawn it-tliet partijiet:
 
                                                                    Età                   Irġiel              Nisa
1 Mile Run                                             18 – 31              10 min         12 min
                                                                 32 +                 10.30 min    12.30 min
 
Push-Ups (Repetizzjonijiet)                18 – 31                 15                   10
                                                                 32 +                      13                    8
 
Sit-Ups (Repetizzjonijiet)                    18 – 31                 25                   20
                                                                 32 +                      20                   15
 
Il-kandidati jridu mill-anqas jilħqu l-istandard minimu f’kull parti tat-test fl-Effiċjenza Fiżika, biex jitqiesu li għaddew mit-test fl-Effiċjenza Fiżika. Il-kandidati li ma jgħaddux f’xi wieħed mill-partijiet tat-test fl-Effiċjenza Fiżika, ikunu jistgħu jerġgħu joqogħdu għal re-sit ta’ dak it-test partikulari, fi żmien ġimgħa wara li jkun sar l-ewwel test komplut. Huma dawk il-kandidati biss li jgħaddu mill-partijiet kollha tat-test fl-Effiċjenza Fiżika li jitħallew joqogħdu għall-intervista estiża.
 
6.2 Applikanti li komplew it-test fl-effiċjenza fiżika b’suċċess, huma mitluba sabiex jagħmlu test mediku preliminari.
 
6.3 Dawk il-kandidati kollha li jgħaddu mill-partijiet kollha tat-test fl-Effiċjenza Fiżika ikunu meħtieġa li joqogħdu għal test fl-abbiltà ġenerali.
 
6.4 Dan il-proċess jikkonsisti f’test fl-abbiltà ġenerali, permezz tal-kompjuter, kompletament awtomatizzat, li permezz tiegħu l-applikanti jkunu assessjati fil-ħiliet verbali, numeriċi u astratti, fuq  bażi tar-rispons tagħhom għal sett ta’ mistoqsijiet. Il-kandidati jridu jġibu marka ta’ 65% biex jgħaddu mit-test. It-test fl-abbiltà ġenerali jkun immexxi mid-Direttur tal-Eżamijiet u l-Bord tal-Eżamijiet Pubbliċi Lokali. Huma dawk il-kandidati biss li jgħaddu minn dan it-test li jipproċedu għall-fażi suċċessiva tal-proċess ta’ għażla.
 
6.5 Il-kandidati li jkunu għaddew mit-test fl-abbiltà ġenerali, jiġu mistiedna joqogħdu għal intervista strutturata. L-intervista tkun immexxija minn Bord ta’ Selezzjoni stabbilit mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
 
6.6 Waqt l-intervista, il-kandidati jiġu mitluba jagħtu preżentazzjoni ta’ ħames (5) minuti dwar suġġett tal-għażla tagħhom. Huwa permessibli li jintuża kwalunkwe mezz sabiex jassisti lill-kandidat waqt il-preżentazzjoni tiegħu, bħal pereżempju ‘Power Point presentation’.
 
6.7 Tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kandidati li għandhom esperjenza ta’ xogħol relevanti u ppruvata.
 
6.8 L-applikanti li jgħaddu iridu joqogħdu għall-eżami mediku sabiex jiġi aċċertat li huma adatti għal dan il-post.
 
 
It-Tieni Parti – Eżami Tal-Kwalifika
 
7.1 Applikanti li jgħaddu mill-Ewwel Parti tal-proċess ta’ għażla jkunu meħtieġa li jattendu lectures (part-time)  organizzati mill-Akkademja tal-Pulizija tal-Forzi Dixxiplinati filgħaxija, bi tħejjija għall-Eżami tal-Kwalifika.
 
 Dan l-eżami jkun jikkonsisti fi:-
 
Karta I Police Leadership u Management;
 
Karta   II Investigazzjonijiet;
 
Karta   III Liġijiet u Prosekuzzjoni.
 
7.2 Il-kandidati li jiġu dikjarati li għaddew mill-Eżami tal-Kwalifika, ikunu eliġibbli biex jiġu maħtura Spetturi tal-Pulizija bi Prova għal sentejn, skont in-numru ta’ vakanzi li jkunu jeżistu. 
 
7.3  Għal skop ta’ ħatra, l-ordni finali tal-mertu jiġi meqjus fuq il-marki totali miksuba fl-eżami tal-kwalifika (para 7.1).
 
7.4 Huma biss dawk il-kandidati li jeħlu minn suġġett wieħed biss li jkunu eliġibbli sabiex joqgħodu ghal-resit. Dawk il-kandidati li jgħaddu mill-eżami tar-resit jingħataw marka ta’ 50% u jiġu fl-ordni tal-mertu wara dawk il-kandidati li jkunu għaddew mill-eżamijiet kollha mill-ewwel.
 
7.5 Eżamijiet supplimentari isiru biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.
 
It-Tielet Parti  - Eżami ta’ Konferma
 
8.1 Barra milli jingħataw dmirijiet normali tal-pulizija konnessi mal-grad tagħhom, l-Ispetturi tal-Pulizija maħtura bi Prova, jinħtieġ ukoll li jattendu lectures f’suġġetti relatati mal-pulizija u materji legali inklużi fil-kors part-time organiżżat mill-Universita` ta’ Malta li jwassal għal Diploma in Policing. L-eżami finali ta’ din id-Diploma jikkostitwixxi t-Tielet Parti – Eżami ta’ Konferma – ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
 
8.2 Spetturi tal-Pulizija bi Prova li ma jgħaddux fl-Eżami ta’ Konferma msemmi fil-paragrafu 8.1, jingħataw opportunita’ oħra biex jerġgħu joqgħodu għall-eżami finali tal-kors tad-Diploma. Jekk jerġgħu jeħlu, in-nomina tagħhom bħala Spetturi tal-Pulizija bi Prova tiġi mitmuma ipso facto.
 
9. L-Ispetturi tal-Pulizija bi Prova jiġu assessjati fuq dmirijiethom kull erba’ xhur u r-riżultati jiġu kkomunikati lilhom regolarment. Fil-perjodu ta’ prova Spetturi tal-Pulizija bi Prova li ma jirnexxilhomx jilħqu l-livell f’erba’ mit-testijiet ikollhom il-ħatra tagħhom mitmuma.
 
10. Spetturi tal-Pulizija bi Prova  li jgħaddu mit-Tielet Parti – Eżami ta’ Konferma, jiġu kkonfermati fil-ħatra tagħhom bħal Spetturi tal-Pulizija.
 
11. Spetturi tal-Pulizija huma mistennija li jservu lill-Gvern ta’ Malta għall-perjodu ta’ erba’ (4) snin u jkunu mitluba li jagħmlu kuntratt fejn jintrabtu li jagħtu garanzija ta’ twettiq ta’ servizz.
 
 
Sottomissjoni tal-Applikazzjonijiet
 
12.1 L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi, għall-attenzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija, Ministeru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali, permezz tar-Recruitment Portal biss f’dan l-indirizz: https://recruitment.gov.mt (taħt Uniformed and Security).  L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu curriculum vitae (li għandu jinkludi lista tal-kwalifiki tal-applikant), u Ċertifikat riċenti tal-Kondotta maħruġ mill-Pulizija jew awtorita’ oħra kompetenti mhux aktar minn xahar (1) qabel id-data tal-applikazzjoni, f’format pdf, li għandhom ikunu uploaded permezz tal-Portal.  Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija nofsinhar (Central European Time) ta’ nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Lulju 2019.  Ittra elettronika ġenerata mill-kompjuter tintbagħat bħala rċevuta tal-applikazzjoni.  Aktar dettalji dwar is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet jinsabu fil-provedimenti ġenerali msemmija hawn isfel.
 
12.2 L-applikanti wara jiġu mitluba sabiex jattendu fit-Taqsima tar-Riżorsi Umani sabiex jitkejlu u jimlew formula addizzjonali bħala parti mill-applikazzjoni. Din il-formula għandha timtela fil-preżenza tal-Uffiċjal Inkarigat mit-Taqsima tar-Riżorsi Umani u/jew Uffiċjal appuntat mill-Kummissarju tal-Pulizija. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu fit-Taqsima tar-Riżorsi Umani sa nofsinhar tad-19 ta’ Lulju 2019. Żewġ (2) ritratti riċenti daqs tal-passaport huma wkoll meħtiega.
 
Provedimenti Ġenerali oħra
 
13. Provvedimenti ġenerali oħra dwar din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, b'referenza partikolari  għall-:
 
• benefiċċji applikabbli, kundizzjonijiet u regoli/regolamenti;
• bdil raġonevoli għall-persuni rreġistrati b'diżabilita;
• sottomissjoni ta' dikjarazzjoni ta' rikonoxximent dwar il-kwalifiki ;
• pubblikazzjoni tar-riżultat;
• eżami mediku;
• proċess sabiex tiġi sottomessa petizzjoni dwar ir-riżultat;
• aċċess għall-formola tal-applikazzjoni u dettalji relatati ;
• żamma ta’ dokumenti
 
 
jistgħu jiġu aċċessati permezz tas-sit elettroniku tad- Diviżjoni dwar Nies u Standards fl-indirizz https://publicservice.gov.mt/en/people/Pages/PeopleResourcingandCompliance/FormsandTemplates.aspx jew jinkisbu mit-Taqsima tar-Riżorsi Umani, Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana.  Dawn il-provvedimenti ġenerali għandhom jiġu meqjusa bħala parti integrali minn din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
 
Is-sit elettroniku, numru tat-telefon u indirizz elettroniku tad-Dipartiment huma https://pulizija.gov.mt/, 21224001, filwaqt li tal-email  huwa hr.police@gov.mt.