Victim Support Unit

Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
 
Bħala parti mill-proċess ta’ trasformazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, wieħed mis-sisien tas-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna u l-entità li ħafna drabi tkun minn ta’ l-ewwel li tiġi f’kuntatt mal-vittmi tal-kriminalità, riċentement għadha kemm nidiet il-Victim Support Unit. Din is-Sezzjoni bdiet taqdi l-irwol tagħha f’Jannar 2017 u kienet imnehdija uffiċjalment mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fid-19 ta’ April 2017.
 
Il-funzjonijiet ewlenin tal-Victim Support Unit huma li:
     jservi bħala punt ta’ riferiment u sapport għall-vittmi tal-kriminalità, b`mod speċjali għal dawk il-vittmi l-aktar vulnerabbli, immedjatament wara li jkunu għamlu rapport mal-Pulizija;
     jipprovdi servizzi ta’ crisis counselling lill-vittmi tal-kriminalità, skont in-natura u s-severità tal-każ;
     jimplimenta għodod u proċeduri li jgħinu lill-pulizija sabiex ikunu jistu’ jipprovdu d-drittjiet bażiċi, sapport u protezzjoni lill-vittmi tal-kriminalità;
     jiffaċilita l-proċess sabiex il-każijiet jiġu riferuti lil servizzi oħra ta’ sapport fil-ħin opportun;
     jagħmel moniteraġġ tan-numru ta’ vittmi li qed jagħmlu użu mid-drittijiet u s-servizzi ta’ sapport ipprovduti mill-Korp tal-Pulizija;
     jipprovdi taħriġ xieraq u kontinwu dwar prattiċi relatati mal-vittmi;
     joħloq komunikazzjoni effettiva u ħidma tajba ma’ aġenziji oħra, kemm dawk governattivi kif ukoll dawk non-governattivi.
 
Il-Victim Support Unit jassisti lill-vittmi skont il-bżonnijiet tagħhom u jipprovdilhom sapport adekwat. Is-servizzi offruti minn dan il-Unit jgħinu sabiex inaqqsu l-istress emozzjonali u psikoloġiku lill-vittmi tar-reat u jgħin ukoll sabiex il-Pulizija Eżekuttiva tilħaq l-obbligazzjonijiet li għandha, skont Kaptilu 539 tal-Ligijiet ta’ Malta – Att dwar Vittmi tal-Kriminalità. Kapitlu 539 jitlob li l-Pulizija Eżekuttiva għandha tibgħat lill-vittma rikonoxximent bil-miktub tal-ilment tagħha, informazzjoni dwar proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment magħmul mill-vittma kif ukoll tirreferi lill-vittmi għal servizzi ta’ sapport, fost oħrajn.
 
Il-Victim Support Unit ippubblikat ukoll fuljett għall-vittmi tal-kriminalità li jikkonsisti f’informazzjoni dwar proċeduri bażiċi tal-Pulizija. Dan il-fuljett ġie mqassam fl-Għases u fis-Sezzjonijiet kollha tal-Pulizija. Il-vittmi għandhom jiġu mgħarrfa bis-servizzi tal-Victim Support Unit għal iżjed sapport u informazzjoni u jekk jaċċettaw, huma jiġu kkuntatjati minn din is-Sezzjoni immedjatament.
 
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Victim Support Unit fuq 2294 2160 u/jew permezz tal-imejl victimsupport.police@gov.mt.
INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT:
 
 Contact Name 
KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530
 
 Telefown
2122 4001​