L-oriġini tal-fergha tat-Traffiku, tmur lura għas-sena 1926, meta l-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, u l-Maġġur Frank Stivala, irrikomandaw ix-xiri ta’ tmien muturi sabiex jintużaw għall-kontroll tat-traffiku. Matul is-sena ta’ wara, dan in-numru żdied bi tlieta.
Il-fergħa tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta saret fergħa awtonoma f’Settembru tal-1936 u matul is-snin, hija kellha responsabbilitajiet oħra marbutin magħha, apparti mis-supervizjoni tat-traffiku.
Wara t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija, il-fergħa tat-traffiku ġiet iffurmata. Fil-bidu din kienet tikkonsisti minn seba’ membri u kienet tagħmel użu minn muturi ex-militari. Il-head dress kienet tikkonsisti minn beritta tas-servizz miksija bi drapp abjad, minflok crash helmet.
Matul iż-żminijiet, bl-ammont ta' vetturi fit-toroq dejjem jiżdied, il-fergħa tat-traffiku ġiet imsaħħa, kemm bl-ammont ta’ uffiċjali u kif ukoll bl-ammont ta’ muturi. In-numru ta’ muturi huwa ta’ ħamsa u tletin, u l-mudelli ta’ dawn il-muturi jvarjaw minn BMW’s, Yamaha u Moto Guzzi.
Id-dmirijiet ewlenin jinkludu superviżjoni tat-traffiku, infurzar ta’ liġijiet u leġiżlazzjonijiet relatati, skorti ma’ V.I.P, dmirijiet tal-Qorti, programmi edukattivi u assistenza lill-Pulizija tad-distrett matul impenji varji.
Fl-1999 ġiet mnedija ‘l-kampanja dwar l-edukazzjoni u s-sigurta` tat-traffiku bl-iskop li teduka b’mod mill-aktar effettiv li-sewwieqa tal-vetturi minħabba li l-ammont ta’ inċidenti u fatalitajiet fit-toroq kienu qed jiżdiedu.
Wieħed jista’ jgħid illi din il-kampanja integrat sewwa fil-kurrikulum edukattiv, kemm tal-iskejjel u kif ukoll tal-Kunsilli Lokali. Eluf ta’ studenti, ta’ etajiet varji jiġu mgħallma dwar dan is-suġġett kull sena. Jiġi wkoll mogħti tagħlim u għarfien dwar is-sigurta` fit-toroq lill-anzjani dwar kif għandhom jaġixxu meta jużaw it-toroq.