L-Iskwadra ġiet imwaqqfa fis-snin tmenin bl-irwolijiet tagħha jkunu dawk l-investigazzjonijiet li jikkonċernaw il-vizzji u l-vjolenza domestika. Sussegwentement l-investigazzjonijiet dwar l-abbuż ta’ drogi wkoll bdew jiġu investigati minn din l-Iskwadra.
Kien f’Novembru tal-1995 li kawża tal-ammont ta’ xogħol inħolqot l-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi. B’hekk l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji setgħet tiffoka iktar fuq kwistjonijiet domestiċi.
Din l-iskwadra kisbet il-fiduċja ta’ organiżżazjonijiet oħra bħall-Aġenzija Appoġġ , ic-Child Protection Services fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u organiżżazjonijiet non-Governattivi oħra li jagħtu kenn lil nisa abbużati u msawta hekk kif din l-iskwadra uriet effiċenza meta jiġu rrappurtati dawn il-każijiet.
It-trażżin tat-tħajjir u tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni huwa wieħed mir-reati segwiti minn din l-iskwadra. Fil-fatt madwar 200 kaz ta’ prostituzzjoni jitresqu quddiem l-Qorti kull sena b’akkużi relatati. Minnbarra dawn il-każijiet, l-iskwadra investigat ukoll b’suċċess każijiet ta’ traffikar ta’ persuni bl-għan ta’ prostituzzjoni.
Reat ieħor, relattivament ġdid li qed jiġi investigat minn din is-sezzjoni huwa tal-pedofelija jew kif inhu aktar magħruf bhala pornografija tat-tfal. Dan it-tip ta’ reat jinfirex l-aktar permezz tal-internet għalhekk l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji taħdem id f’id mas-Cyber Crime Unit fl-investigazzjonijiet tal-pedofelija.
Reati oħrajn li huma relatati max-xogħol ta’ din l-Iskwadra huma abbużi sesswali, persuni rrapurtati nieqsa, logħob klandestin u traffikar ta’ persuni għal esplojtazzjoni.