Il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Banda tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ġiet stabbilita mill- eks Kummisarju tal-Pulizija l-Logutenent Kurunell Henry William Bamford fl-1919. Il-banda ġiet iffurmata minn bandisti li kienu jagħmlu parti mill-Kings Own Regiment u l-Malta Royal Artillery, taħt id-direzzjoni tal-MRO. E. Magro, li kien ex-direttur tal-Commander-in-Chief Orchestra f’Malta.

Minħabba eżiġenzi tas-servizz, sfortunatament  il-Banda kellha tiġi xolta diversi drabi. L-aħħar darba li ġiet re-attivata kien fl-1994, għall-180 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. Għamlet id-debut tagħha fil-preżenza ta’ banda famuża tal-Korp tal-Pulizija Russa u l-famuża ‘ Banda dell’Arma dei Carabinieri’ waqt marċ mal-Gwardja tal-Unur fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.

F’dawn laħħar snien, il-banda tagħat wirjiet f’numru ta’ okkażjonijiet differenti ġewwa Malta, liema wirjiet ġew milqugħa tajjeb ħafna minn dawk preżenti.

F’Diċembru tal-1999, il-Banda tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta pparteċipat għall-ewwel darba f’wirja ta’ massed bands flimkien mal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, ġewwa l-Belt Valletta waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-25 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika. Mil-2004 l-hawn il-Banda ġiet mistiedna tieħu sehem fil-Malta Military Tattoo flimkien ma’ baned oħra barranin. Il-Banda ġiet ukoll mistiedna tieħu sehem f’wirjiet barra minn Malta iżda sfortunatament minħabba eżiġenzi tas-servizz kellhom jiġu rifjutati.

Fl-2005, il-Banda marret fuq tour għal ewwel darba, barra minn Malta, ġewwa Sqallija.

Fuq inizjattiva tal-Kummisarju tal-Pulizija fl-2002 u l-2005, il-Banda rrekordjat l-ewwel żewġ diski fejn kien fijhom laqwa xogħolijiet mir-repertorju tagħha, minn marċi militari sa mużika klassika u mużika popolari. Kienet ukoll inizjattiva tal-Kummisarju tal-Pulizija li fl-2004 ġiet introdotta żifna waqt xi wirjiet tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija. Fl-2006 ġew miżjuda wkoll il-Pipes and Drums.

Preżentament il-Banda magħmula minn 63 mużiċist li huma kollha membri regolari fil-Korp tal-Pulizija, ġejjin minn kważi t-taqsimiet kollha tal-Korp, kemm Malta u kif ukoll Għawdex. Il-Banda titmexxa mid-Direttur tal-Mużika, l-Ispettur Anzjan Anthony Cassar, li huwa-il ħames direttur mill-bidu ta’ din il-Banda.

Id-dmir tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija huwa li jissodisfa d-diversi mpenji b’appoġġ lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta f’okkażjonijiet ċerimonjali. Il-banda  spiss tagħti wirjiet tul is-sena kollha. Dawn jingħataw waqt festi nazzjonali u attivitajiet oħra, li jiġu organizzati mill-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura flimkien mal-Kunsilli Lokali kif ukoll waqt diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.

Wirjiet spettakolari jsiru kull sena madwar Malta kollha speċjalment fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija, li jsir fit-12 ta’ Lulju ġewwa l-Belt Valletta u diversi attivitajiet oħra fosthom il-Malta Military Tattoo li tant tkun mistennija.

Waqt li l-Banda tal-Korp tal-Pulizija tirsisti sabiex tikseb l-għola livelli, hija timmira wkoll sabiex isservi ta’ pont bejn il-Korp u il-pubbliku.

 
 
​​
INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT​:
 
 Indirizz tal-Kuntatt   
KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530
 
 Telefown
2122 4001