Page Content
Il-Prosecutions Unit twaqqfet fis-sena 2000 u x-xogħol tagħha jinvolvi diversi funzjonijiet in konnessjoni m’affarijiet legali. Ir-rwol prinċipali ta’ dan l-uffiċċju huwa li jagħti pariri legali dwar liġijiet kriminali, ċivili, amministrattivi, kostituzzjonali, internazzjonali, Ewropej u oħrajn.
F’dan ir-rigward, il-membri ta’ din l-unita’ jsiefru ta’ spiss barra minn Malta in konnessjoni ma’ European Union Police kif ukoll fuq kwistjonijiet legali oħra.
Din l-unita’ hija responsabbli li titlob informazzjoni lil kumpanijji li jofru servizz tat-telefonija. Dan jiġri biex tinġabar informazzjoni vitali sabiex tissostanzja investigazzjonijiet kriminali. Madankollu informazzjoni simili tintuza ukoll biex jiġu lokaliżżati persuni li jkun suspettat li jinsabu f’xi periklu.
Il-Prosecutions Unit jikkomunikaw direttament mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. F'din il-kapaċità, dan l-uffiċċju jittratta wkoll ma’ foreign letters of request. Dan il-kompitu huwa meħtieġ mill-awtoritajiet barranin fil-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-Pulizija fi kwistjonijiet kriminali. Kwistjonijiet marbuta maċ-ċaqliq ta’ persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew u proċeduri t'estradizzjoni huma fost il-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċċju.
L-uffiċċjal għall-protezzjoni tad-data tal-Korp tal-Pulizija huwa wkoll parti minn dan l-uffiċċju. Ir-rwol prinċipali ta’ dan l-uffiċċjal huwa li jiskrutiniżża talbiet għal data u informazzjoni magħmula minn diversi dipartimenti kemm governattivi kif ukoll privati.
Fl-aħħar nett, dan l-uffiċċju jittratta ukoll prosekuzzjonijiet ta’ dawk il-każijiet sensittivi u speċifiċi delagati lilhom mill-Kummissarju tal-Pulizija.