Kavellerija

Is-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Pulizija bdiet topera fl-1860, wara li l-kmandant ta’ dak iż-żmien, Hector Zimelli, ta’ l-awtorrizzazjoni tiegħu sabiex jinxtraw sitt iżwiemel u l-apparat kollu neċċessarju.  F’dak iż-żmien, l-istalel kienu jinsabu ġewwa Triq l-Arċisqof ġewwa l-Belt Valletta.  Aktar tard dawn ġew trasferiti f’post aktar adattat, ġewwa l-Marsa.

Oriġinarjament, is-sezzjoni tal-Kavallerija ġiet imwaqqfa sabiex tagħmel rondi madwar il-gżira, żżomm l-ordni pubblika u kif ukoll sabiex tagħmel xogħlijiet ta’ skorti ma’ diriġenti li jkunu fuq żjarat uffiċjali ġewwa Malta.  Għalkemm, dan ma kienx l-uniku rwol ta’ din is-sezzjoni, u fil-fatt minn żmien għal ieħor kienu jintalbu biex jaqdu dmirijiet oħrajn.

Wieħed minn dawn id-dmirijiet kien il-ġarr tal-mejtin, fejn fil-fatt, fl-1893,  kien ġie mixtri żiemel biex ikun speċifikament użat għall-ġarr tal-mejtin.  F’dak iz-zmien, barra li kien qed jiġi użat għall-ġarr ta’ persuni li jkunu mietu f’aċċidenti jew f’każijiet ta’ mwiet naturali, kif għadha n-norma sal-lum, il-ġurnata, dan is-servizz kien jingħata wkoll lill-familjari li ma kellhomx il-fondi biex jagħmlu l-funeral.

Illum is-sezzjoni tal-Kavallerija hija komposta minn 21 żiemel u 15-il uffiċjal.  Normalment in-numru ta’ siegħat li wieħed ikollu jaħdem huwa ta’ tmien siegħat u matul dan il-ħin, l-uffiċjali jridu jagħmlu diversi affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kura u l-manutenzjoni taż-żwiemel u l-korsa, trażżin ta’ attivitajiet kriminali u serħan il-moħħ lill-publiku permezz ta’ rodni fuq iż-żwiemel li joffru vizibilita` mill-għoli, skorti mal-ambaxxaturi li jkunu qed jipprezentaw il-kredenzjali tagħhom, lill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta, ordni pubbliku u kontroll tal-folol, kif ukoll jieħdu sehem f’esibizzjonijiet matul iċ-ċelebrazjonijiet annwali tal-Pulizija f’Lulju.
 
​​​​
INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT:
 
 Indirizz tal-Kuntatt   
KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530
 
 Telefown
2122 4001