Cyber Crime Unit

Is- Cyber Crime Unit hija sezzjoni fi ħdan il- Korp tal- Pulizija, mwaqqfa formalment fl- 2003, li r- rwol prinċipali taghħa huwa li toffri assistenza teknika f’ investigazzjonijiet ta’ reati  kriminali fejn il- kompjuter huwa l- mira jew il- mezz użat.    Filfatt, is- Cyber Crime Unit hija magħmula minn membri tal- Korp tal- Pulizija li huma mħarrġa fl- investigazzjoni ta’ reati kriminali li jseħħu permezz ta’ l- internet jew il- kompjuter. 

L- involviment tas- Cyber Crime Unit mhuwiex limitat għal investigazzjonijiet kriminali ta’ dawk ir- reati assoċjati mad- dinja tat- teknoloġija bħal m’hu il- “hacking” biss, iżda jinkludi ukoll assistenza f’ investigazzjonijiet ta’ reati tradizzjonali bħal m’huma il- frodi, theddid u delitti oħra.  Huwa għalhekk li l- assistenza tas- Cyber Crime Unit tiġi mitluba kemm sabiex tiġi ppreservata informazzjoni li tkun tinstab f’ siti elettroniċi, waqt tfittxijiet mwettqa minn sezzjonijiet differenti tal- Korp tal- Pulizija, fl- analiżi ta’ evidenza diġitali, kif ukoll sabiex jiġu identifikati persuni li jkunu qed  jagħmlu użu mis- servizz ta’ l- internet biex iwettqu reat kriminali.
Minħabba l- element globali ta’ l- internet, il- Pulizija Maltija taħdem fil- viċin ma’ numru ta’ għaqdiet u aġenziji ta’ l- infurzar tal- liġi internazzjonali sabiex l- esperjenza tal- Maltin fuq l- internet tkun, kull ma jmur, dejjem iktar pożittiva.  Permezz ta’ inizjattivi minn aġenziji bħall- Interpol u Europol, membri tas- Cyber Crime Unit jgawdu minn numru ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat li jsiru minn żmien għal żmien.

Żgur mhux forsi li l- abbuż tat- tfal permezz ta’ l- internet mhuwiex fenomenu li l- Pulizija Maltija skartat.  Matul is- snin membri tas- Cyber Crime Unit, bi sħab ma’ membri ta’ l- iSkwadra ta’ kontra il- Vizzji, kienu nvoluti f’ numri ta’ inizzjattivi sabiex jitnaqqas dan it- tip ta’ abbuż.  Kienu diversi l- investigazzjonijiet, uħud minnhom mibdija minn forzi ta’ l- ordni ta’ pajjiżi barranin, li matulhom persuni residenti Malta ġew investigati dwar il- pussess ta’ materjal pornografiku li juri tfal jew fuq abbuż tat- tfal permezz ta’ l- internet.

Aspett importanti ieħor mill- ħidma tas- Cyber Crime Unit huwa x- xogħol ta’ prevenzjoni.  Permezz ta’ koordinament mas- sezzjoni tal- Community and Media Relations fi ħdan il- Korp tal- Pulizija, membri tas- Cyber Crime Unit regolarment jattendu ġewwa skejjel, għaqdiet taż- żagħżagħ, kunsilli lokali kif ukoll fil- komunita’ in-ġenerali sabiex jagħtu tagħrif dwar l- użu responsabbli ta’ l- internet u kif wieħed jista jevita milli jaqa ġon- nassa ta’ min jabbuża mit- teknoloġija.  Bi sħab ma l-agenziji li jipprovdu s-servizz ta’ l- internet, is- Cyber Crime Unit tħaddem ukoll Child Abuse Internet Filter  li jżomm persuni li jkunu qed jagħmlu użu mis- servizz ta’ l- internet milli jaċċessaw siti li jkun fihom pornografija ta’ minuri.

L- investiment li l- Korp tal- Pulizija jagħmel fit- taqsima tas- Cyber Crime Unit huwa wieħed kontinwu.  Apparti xiri t’apparat u għodda ġdida li tagħmel użu minnu din is- sezzjoni, membri tas- Cyber Crime Unit regolarment jirċievu taħriġ speċjalizzat sabiex jtejbu il- kapaċitajiet tekniċi tagħhom.  Preżentament is- Cyber Crime Unit hija magħmula minn tmien membri tal- Korp tal- Pulizija.  Il- membri tas- Cyber Crime Unit huwa Spettur, tlett Surġenti u erbgħa Kuntistabblijiet. 

F’każ ta’ diffikulta jew mistoqsijiet, wieħed huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt mas- Cyber Crime Unit fuq in- numru tat- telefon (+356) 2294 2231 jew l- indirizz elettroniku computer.crime@gov.mt
INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT:
 
 Indirizz tal-Kuntatt
KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530
 
 Telefown
2294 2231
 
 Imejl