Komunikazzjoni tajba matul l-operazzjonijiet tiddependi ħafna fuq l-effiċjenza u t-tip ta’ informazzjoni trasmessa bejn din il-kamra u d-dipartimenti kollha l-oħra fi ħdan il-Korp.
Il-Kamra tal-Kmand u Kontroll isservi bħala bażi ta’ l-operazzjonijiet fi ħdan il-Korp u b’hekk tiggarantixxi servizz ta’ erbgħa u għoxrin siegħa permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni kumplessa.
Il-Kamra tal-Kmand u Kontroll tieħu ħsieb ukoll il-linja tal- Emerġenza 112 li fuqha tirċievi kull tip ta’ telefonati ta’ emerġenza. It-triangulazzjoni ta’ din is-sistema tippermetti koordinament effiċjenti bejn il-units ta’emerġenza, bħall-Pulizija, il-Forzi Armati, Protezzjoni Ċivili u l-Casualty Department fi ħdan l-isptar Mater Dei u b’hekk tkun qed tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawn ir-rapporti ta’ emerġenza.
Sistema oħra fi ħdan din il-Kamra, hija d-Datatrek, din toffri lill-Korp, sistema ta’ mappa eletronika li tkun tista’ tidentifika l-pozizzjonijiet tal-iskwadra mobbli u kif ukoll tat-Taqsima tal-muturi. Dan il-mezz, jipprovdi opportunita` ta’ risposta f’waqta u ta’ intervent meta jkun hemm il-bżonn.
Inizjattiva meħuda mill-Kummissarju tal-Pulizija, s-Sur John Rizzo flimkien mas-sidien tal-ħwienet ġewwa l-Belt Valletta kienet l-installazjoni ta’ cameras ta’ sorveljanza f’postijiet strateġiċi. Din l-inizjattiva serviet bħala deterrent speċjalment għall-atti kriminali tal-isnatch and grab, fejn ġie innutat tnaqqis ta’ reati minn mindu saret l-installazzjoni ta’ dawn il-cameras.
Crime Stop – 119
Dan is-servizz ilu jiġi użat għal diversi snin u dan iservi bħala mezz ta’ kif tittwaqqaf il-kriminalita`, fejn membri tal-pubbliku huma mistiedna sabiex jikkomunikaw mal-Kamra tal-Kontroll tal-Pulizija, anke anonimament, u jgħaddu informazzjoni ta’ natura kriminali. Dan huwa wkoll numru bla ħlas u għalhekk dan jiffaċilita l-aċċes għall-pubbliku mal-Pulizija.