Infurzar tal-Liġi Amministrattiva

Is-sezzjoni tal-infurzar tal-liġi amministrattiva, magħruf aħjar bħala A.L.E., ġiet imwaqqfa fil-bidu tas-snin disgħin biex tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-Pulizija tad-distrett fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità ambjentali.

F’dak il-perjodu, kien qiegħed isir tibdil kbir fil-liġi dwar l-ambjent u għalhekk l-amministrazzjoni ħasbet li jkun aħjar li tinħoloq sezzjoni fi ħdan il-Korp sabiex tkun tista’ tinforza dawn il-liġijiet ġodda.

L-A.L.E. matul is-snin kienet involuta primarjament fl-infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa u l-insib, kemm jekk tkun id-Deroga tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, id-Deroga tal-Insib fil-Ħarifa u l-istagun tal-Kaċċa fil-Ħarifa. Is-Sezzjoni tal-A.L.E. hija nvoluta fl-infurzar tal-liġijiet li jikkonċernaw il-ħarsien tal-annimali u l-uffiċjali tagħha jassistu lis-Servizzi Veterinarji, kif ukoll lid-Diviżjoni tas-Saħħa sabiex jonqos l-abbuż fl-oqsma rispettivi. L-“Off-Roading” huwa kompitu ieħor li jaqa' taħt il-mandat ta’ l-A.L.E sabiex tiġi evitata ħsara lis-siti protetti tan-Natura 2000 u lill-pajsaġġi Maltin.

L-uffiċjali tal-A.L.E. jieħdu wkoll sehem f’eżerċizzji organiżżati mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u d-Dipartiment tal-Artijiet wara li individwi jonqsu milli jikkonformaw mal-avviżi ta' infurzar maħruġa.

L-A.L.E hija ukoll involuta f'każijiet tad-Dipartiment tas-Sajd, id-Dipartiment tal-Agrikoltura, id-Dipartiment tat-Tindif u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur ta’ Malta (MCCAA). Il-prosekuzzjoni ta’ illegalitajiet relatati mad-Dipartiment tal-VAT huma wkoll fil-kompetenza tas-Sezzjoni tal- A.L.E.

Is-Sezzjoni hija wkoll sinonima, iżda mhux esklussivament, fl-infurzar tar-regolamenti marittimi fiż-żoni kostali ta’ Malta. Din kienet waħda mill-ħidmiet ewlenin tal-A.L.E. ghal dawn l-aħħar għoxrin sena. Saru ħafna sforzi biex jattrezzaw is-sezzjoni tal-baħar ta' l-ALE b-opri tal-bahar li jistgħu joperaw matul is-sena jekk ikun jippermetti t-temp.

Minbarra d-dmirijiet msemmija hawn fuq, l-uffiċjali tal-A.L.E. jassistu ukoll f’servizzi protettivi ingenerali, inkluż il-kontroll tal-massa u skorti ta’ V.I.Ps.
 
​​​​
INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT​:
 
 Indirizz tal-Kuntatt   
KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530
 
 Telefown
2122 4001