
Angelo Gafà għandu 41 sena u ilu membru fil-Korp tal-Pulizija mill-2003 meta kien daħal bħala Uffiċjal Kadett permezz tal-Iskema ta’ Reklutaġġ tal-Korp.
F’April 2004, is-Sur Gafa laħaq Spettur tal-Pulizija u malli nħatar kien assenjat dmirijiet investigattivi u rwol prosekutorju fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija fejn serva sa Ġunju 2013. Bejn Ġunju 2013 u Diċembru 2016 serva fi ħdan is-Servizz Malti tas-Sigurtà fost l-oħrajn bħala Assistent Kap tal-Organizazzjoni. Fl-2018 huwa ġie promoss għal grad ta’ Supretendent tal-Pulizija.
Wara sejħa pubblika, f’Diċembru 2016 is-Sur Gafà inħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija liema kariga għadu jokkupa sal-lum. Qabel ma daħal fil-Korp tal-Pulizija, is-Sur Gafà kien it-Tieni Logutenent fil-Forzi Armati ta’ Malta. Huwa kien ikklassifika l-ewwel fl-eżami tad-dħul fil-Forzi Armati kif ukoll f’dak tal-Pulizija ta’ Malta.
Is-Sur Gafà ggradwa b’first class honours mill-Università ta’ Malta fl-2001 fil-Baċellerat tal-Kummerċ (Honours) fl-Immaniġjar tas-Settur Privat u Pubbliku. Huwa gradwa wkoll b’żewġ Masters, b’Master of Arts in Public Policy b’distinzjoni mill-Università ta’ Malta fl-2008, u Master of Science in Security and Risk Management mill-Università ta’ Leicester fl-2014. Is-Sur Gafà kiseb ukoll ċertifikat fuq is-settur tal-Pulizija li huwa temm b’suċċess b’distinzjoni mill-Università ta’ Malta fl-2004. Huwa lekċerer fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta fil-Fakultà tas-Social Wellbeing.