Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħamsa u kwart ta’ waranofsinhar (1715hrs), il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Blat il-Qamar, is-Siġġiewi.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li raġel ta’ 23 sena li joqgħod Ħaż-Żabbar, kien qiegħed isuq Toyota Starlet, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo parapett ta’ dar. Miegħu fil-vettura kien hemm ukoll raġel ta’ 74 sena residenti Ħaż-Żebbug.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet il-passiġġier l-Isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta' natura gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.