Raġel ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar, għal xi l-erbgħa u kwart tal-bieraħ waranofsinhar (1615hrs), ittieħed l-Isptar Mater Dei wara li weġġa’ f’inċident tat-traffiku fi Sqaq San Anard, iż-Żejtun.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Fiat 500 misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti Wied il-Għajn, Toyota Tercel misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti ż-Żejtun, u mutur Honda misjuq mill-vittma.
Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.