Raġel arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga

Numru ta' Referenza: PR_142_23, Data ta' l-Istqarrija : Mar 04, 2023
 
Investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar ta' droga wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 41 sena residenti Birkirkara.

Wara osservazzjoni fuq garaxx fil-Marsa, li fih allegatament kienet qiegħda tkun ittraffikata d-droga, ilbieraħ wara nofsinhar, il-Pulizija nnutaw l-allegat suspettat jidħol fil-garaxx u wara ftit ħin deher joħroġ u jirkeb ġo vettura. Kien hawn li huwa ġie ċċirkondat u arrestat.

Minn tfittxijiet li saru fuqu u fil-vettura, il-Pulizija elevat numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina. Minn aktar tfittxijiet li saru fil-garaxx instabet aktar droga suspettata kokaina u ammont konsiderevoli suspettata ħaxixa tal-kannabis, kif ukoll mwieżen diġitali u diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

Illum, huwa tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat​