Inċident tat-traffiku fix-Xewkija

Numru ta' Referenza: PR_768_22, Data ta' l-Istqarrija : Nov 12, 2022
 
​Illum, għal xi s-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu (0045hrs), il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija, Għawdex.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Starlet,  misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti x-Xewkija, u Suzuki Swift, misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti x-Xagħra. Konsegwenza tal-impatt, is-Suzuki ħabtet ukoll ma’ ħajt. 

Fit-Toyota, kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti x-Xewkija.

Fuq il-post issejaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanzi ħadu t-tliet persuni l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ta’ 23 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament, il-ġuvni ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif, filwaqt li l-kundizzjoni taż-żagħżugħ ta’ 18-il sena għadha pendenti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. 
  
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.