Incident tat-traffiku f’Ħal Qormi

Numru ta' Referenza: PR_764_22, Data ta' l-Istqarrija : Nov 11, 2022
 
Ilbieraħ, għal xi tmienja u nofs ta’ filgħaxija (2030hrs), il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Vjal De La Cruz, Ħal Qormi.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li mara ta’ 24 sena residenti l-Birgu, kienet qed issuq Toyota Vitz, tilfet il-kontroll, ħabtet ma’ Renault Megane li kienet ipparkjata u nqalbet.

Fit-Toyota kien ukoll tifla ta’ erba’ snin u tifel ta’ sena.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-persuni involuti l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li ż-żewġt itfal ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.