Persuni jweġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku

Numru ta' Referenza: PR_622_22, Data ta' l-Istqarrija : Set 21, 2022
 
Sewwieq ta' mutur u raġel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku lbieraħ filgħaxija.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta (1800hrs), fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa. Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Eġizzjan ta’ 46 sena ntlaqat minn Toyota Auris li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 22 sena residenti Ħaż-Żabbar. 

It-tieni inċident ġara għall-ħabta tas-sebgħa u kwart (1915hrs), fi Triq Tumas Chetcuti, Ħ’Attard. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li Taljan ta’ 21 sena tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Niu N1S, u waqa’.

Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u ż-żewġt irġiel ittieħdu l-isptar b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.