Żewġt irġiel arrestati b’rabta ma’ argument fl-Imqabba

Numru ta' Referenza: PR_621_22, Data ta' l-Istqarrija : Set 20, 2022
 

​Raġel ta’ 63 sena u żagħżugħ ta’ 19-il sena, residenti l-Qrendi u l-Imqabba rispettivament, ġew arrestati mill-Pulizija ftit sigħat wara li allegatament ħebbew għal raġel ieħor u kkawżawlu ġrieħi ta’ natura gravi f’argument li seħħ jumejn ilu, fl-Imqabba.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija bdew meta l-vittma, raġel ta’ 42 sena u residenti ż-Żurrieq, irrapporta fl-għassa li ftit tas-sigħat qabel, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar (1400hrs), huwa kien ġie attakkat minn żewġt irġiel. 

Allegatament waqt l-inċident, wieħed mill-aggressuri kellu fil-pussess tiegħu senter, li użah biex jagħti xi daqqiet bih lill-vittma. Minħabba li l-vittma sofra xi ġrieħi, huwa mar ġewwa ċentru tas-saħħa fejn ingħata l-assistenza medika. 

Aktar tard matul il-lejl, b’riżultat ta’ investigazzjoni intensiva, il-Pulizija identifikat liż-żewġ aggressuri u ġew arrestati fl-Imqabba stess. 

Illum, l-irġiel tressqu l-Qorti, wieġbu mhux ħatja u nżammu taħt arrest​.