Inċident tat-traffiku r-Rabat, Għawdex

Numru ta' Referenza: PR_616_22, Data ta' l-Istqarrija : Set 17, 2022
 

​Raġel ta’ 64 sena residenti s-Sannat, Għawdex, għal xi s-sitta u nofs tal-bieraħ filgħaxija (1830hrs), kellu jittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għax weġġa’ f’inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Qatet, ir-Rabat, Għawdex.

Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Starlet, misjuqa minn raġel ta’ 46 sena residenti l-Fontana Għawdex, u mutur Kymco, misjuq mill-vittma. 

Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-isptar b’ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.