Raġel arrestat b’rabta ma’ serq

Numru ta' Referenza: PR_360_22, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 21, 2022
 

​Il-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, bl-assistenza tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi, arrestat raġel ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, b’rabta ma’ tliet serqiet minn siti reliġjużi fis-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.

Jidher li matul dan ix-xahar, ir-raġel sgassa santwarju u kappella fejn minnhom seraq diversi oġġetti u flus kontanti, kif ukoll seraq minn kaxxa tad-donazzjonijiet ta’ statwa.

L-investigazzjonijiet wasslu biex il-Pulizija tidentifika lir-raġel bħala l-allegat ħalliel li wettaq dawn is-serqiet u lbieraħ filgħodu, huwa ġie arrestat f’Ħaż-Żebbuġ.

Aktar kmieni llum, l-Ispettur Christina Delia flimkien ma’ Dr K. Muscat u Dr N. De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ressqu raġel ta’ 38 sena l-Qorti fejn wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat.​