Tlitt irġiel iweġġgħu f’argumenti separati San Ġiljan

Numru ta' Referenza: PR_344_22, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 17, 2022
 

​- Ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart (2345hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan. 

Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post fejn irriżulta li kien qam argument bejn tlitt irġiel u wieħed kien telaq minn fuq il-post. 

Tim mediku ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żewġt irġiel, it-tnejn Franċizi u għandhom 61 u 58 sena rispettivament, l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ta’ 61 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.

Minn investigazzjoni li saret, il-Pulizija stabbiliet fejn kien mar ir-raġel l-ieħor involut u fi ftit ħin ġie arrestat. Ir-raġel, li huwa Pollakk u għandu 36 sena, qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.

- F' każ separat, illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu (0200hrs), waqt li l-Pulizija kienet fi Triq San Ġorġ, f’San Ġiljan, inotat raġel mal-art b’xi ġrieħi. 

Għalhekk, fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lir-raġel, li għandu 26 sena u residenti l-Marsa, l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċeritifikat bi ġrieħi serji. 

Mill-investigazzjonijiet li saru irriżulta li l-vittma kien involut f’argument waqt li kien ġo stabbiliment fl-istess triq.

Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejja.