Raġel jitlef ħajtu f’San Pawl il-Baħar

Numru ta' Referenza: PR_343_22, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 17, 2022
 

​Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-siegħa u nofs (0130hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar. 

Waqt li l-Pulizija kienet sejra fuq il-post, ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li kien iddaħħal raġel b’ambulanza mill-istess post, li ġie ċċertifikat mill-ewwel li l-kundizzjoni tiegħu hija waħda serja.

Sfortunatament, ir-raġel, li għandu 60 sena u jgħix San Pawl il-Baħar, ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. 

Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li l-vittma kien involut f’argument waqt li kien ġo stabbilment fl-istess triq u b’konsegwenza t’hekk huwa waqa’ t-taraġ.

Dwar dan il-każ, il-Pulizija qed tkellem persuna sabiex jgħinha fl-istħarriġ li bħallissa qed jiġi trattat bħala omiċidiju.

Il-Magistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LL.D qiegħda tmexxi inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Qawra għadhom għaddejjin.