Raġel arrestat b’rabta ma’ qtil f’Tas-Sliema

Numru ta' Referenza: PR_2_22, Data ta' l-Istqarrija : Jan 02, 2022
 
Aktar kmieni llum, għall-ħabta tas-sitta u għoxrin (0620hrs), il-Pulizija irċeviet rapport li fl-inħawi ta’ Triq it-Torri, Tas-Sliema kien hemm mara li kellha bżonn l-assistenza.

Il-Pulizija marru mmedjatament fuq il-post u fi Ġnien Indipendenza sabu mara mitluqa mal-art, li aktar tard ġiet identifikata bħala Pollakka ta’ 29 sena u li kienet tidher bla ħajja. Tim mediku assista fuq il-post iżda sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta.

Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizja tal-Iskwadra tal-Omiċidji u dawk tad-Distrett wasslu biex ftit tal-ħin wara fl-akwati tal-Balluta, ġie identifikat u arrestat raġel Malti ta’ 20 sena residenti ż-Żejtun li huwa suspettat li wettaq l-allegat omiċidju.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Astrid May Grima LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilita’ d-dinamika ta’ dan il-każ għadhom għaddejjin.