Inċident tat-traffiku f’San Ġwann

Numru ta' Referenza: PR_19_22, Data ta' l-Istqarrija : Jan 11, 2022
 

​Raġel ta’ 30 sena residenti San Ġiljan, għal xi t-tmienja tal-bieraħ filgħaxija (2000hrs), kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għax weġġa’ f’inċident tat-traffiku fi Triq in-Naxxar, San Ġwann.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Kia Sportage, misjuqa minn Libjan ta’ 35 sena residenti Tal-Pietà, u mutur Kymco, misjuq mill-vittma. 

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.