Inċident fatali f’Ħal Luqa

Numru ta' Referenza: PR_798_21, Data ta' l-Istqarrija : Nov 20, 2021
 

 
Illum, għal xi s-siegħa ta’ filgħodu (0100hrs), il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Ħal Luqa.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li BMW 320 CD Sport, misjuqa minn raġel ta’ 21 sena residenti San Ġiljan, tilfet il-kontroll, ħabtet ma’ ċint u spiċċat ġo għalqa. Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ 19-il sena residenti Ħal Qormi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

It-tfajla ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza għall-kura meħtieġa u ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. 

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.