Raġel iweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku

Numru ta' Referenza: PR_726_21, Data ta' l-Istqarrija : Ott 11, 2021
 
Ilbieraħ, għal xi d-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija (2045hrs), il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq l-Ewropa, ir-Rabat, Għawdex.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru jidher li kienet seħħet ħabta bejn mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti x-Xagħra u Toyota Ractis misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti x-Xagħra wkoll.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.