Raġel isofri ġrieħi serji f’Wied il-Għajn

Numru ta' Referenza: PR_685_21, Data ta' l-Istqarrija : Set 22, 2021
 
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart ta’ filgħaxija (2245hrs), il-Pulizija ġiet infurmata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li għal xi t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija (2030hrs), kien iddaħħal raġel l-Isptar Mater Dei u ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li aktar kmieni, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar (1400hrs), ir-raġel, li għandu 41 sena u residenti Santa Venera, kien qiegħed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Sir Paul Boffa, Wied il-Għajn, u waqa’ madwar sular. F’dak il-ħin ir-raġel ma marx l-isptar imma iktar tard hu beda jħoss uġiegħ kbir, ċempel għal ambulanza u ttieħed l-isptar. 

Il-Pulizija għaddejja bl-istħarriġ tagħha rigward il-każ.