Raġel jaqa’ ġo bir f’Marsaxlokk

Numru ta' Referenza: PR_658_21, Data ta' l-Istqarrija : Set 12, 2021
 

IIlbieraħ, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar (1500hrs) il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident li kien seħħ ġewwa għalqa fi Triq il-Beatu Bartolo Longo, Marsaxlokk.

Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 70 sena, residenti ż-Żejtun kien waqa’ ġo bir.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu fuq il-post u assistew biex il-vittma jinħareġ minn ġol-bir, fejn wara ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li għandu ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann Farrugia LL.D li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.