Raġel isofri ġrieħi serji f’inċident tat-traffiku

Numru ta' Referenza: PR_513_21, Data ta' l-Istqarrija : Lul 17, 2021
 
Ilbieraħ, għal xi l-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar (1630hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard.

Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn karozza tal-għamla Subaru Sambar misjuqa minn raġel ta’ 41 sena, residenti Marsascala u karozza tal-għamla Seat Arona misjuqa minn raġel ta’ 28 sena, residenti ż-Żurrieq.

Tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili taw l-assistenza u ambulanza  ħadet lir-raġel ta’ 41 sena l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.